Lokali

Tmut omm il-Kap tal-PN Bernard Grech

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ omm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Frida Grech fl-età ta’ 92 sena.

F’messaġġ emozzjonanti li wassal fuq il-media soċjali, Bernard Grech sellem il-memorja ta’ ommu fejn kiteb li għalkemm f’qalbu hemm dieqa kbira, issa ommu mhux se tħoss iktar uġigħ u se tmur tiltaqa’ mal-Mulej kif ukoll se terġa’ tingħaqad ma’ missieru li proprju miet ftit tax-xhur ilu, f’Settembru li għadda.

Huwa rrangrazzja lill-ommu tal-għożża, l-imħabba u t-tagħlimiet li tagħtu matul ħajjitha.

Frida Grech, kienet miżżewġa lil John u kellha erbat itfal – Noel, Josiah, Marica u Bernard.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-familja tiegħu għall-mewt ta’ ommhom Frida filwaqt li ngħaqad magħhom f’dan il-mument diffiċli.

Il-Prim Ministru kien ukoll fost dawk li wasslu l-kondoljanzi tagħhom lil Bernard Grech għat-telfa ta’ ommu. B’messaġġi simili jaslu wkoll mingħand il-President ta’ Malta George Vella.

Intant, il-funeral ta’ Frida Grech se jsir nhar l-Erbgħa  fis-2:30 ta’ waranofsinhar fil-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, f’Birżebbuġa. Il-familja qed tħeġġeġ biex minflok fjuri, jingħataw donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza peress li Frida kellha ferm għal qalbha l-ħidma li twettaq din id-Dar.

Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.link Commmunications tagħti l-kondoljanzi lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll lill-familja Grech.