Raġel tressaq il-Qorti, wara li allegatament ta daqqa ta’ ponn lil uffiċjal tal-Pulizija li qallu biex jilbes il-maskra ġewwa l-Isptar Mater Dei. Maverick Azzopardi ta’ 26 sena minn Marsaskala tressaq il-Qorti mill-Ispettur Eman Hayman quddiem il-Maġistrat Ian Farugia.
L-akkużat, li qal li jinsab bla xogħol, ta lill-qorti l-indirizz tal-ġenituri tiegħu meta r-reġistratur staqsa fejn kien joqgħod. Fil-Qorti ntqal li Azzopardi bħalissa kien jirrisjedi volontarjament fl-Isptar Monte Carmeli. L-Ispettur Hayman spjega li l-akkużat kien ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ uffiċjal tal-Pulizija fl-isptar fit-3 ta’ Jannar, u kkaġunalu ġrieħi gravi.
Pulizija stazzjonat l-Isptar Mater Dei kien ra lill-imputat miexi bla maskra u qallu li kienet kontra r-regoli, u indika ħanut minn fejn ir-raġel seta’ jixtri wa]da. Inqala’ argument u l-akkużat ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ l-uffiċjal. Azzopardi ġie arrestat fuq il-post, wara li ta ġlieda.
Azzopardi, li qabel kien akkużat li fl-2015 ta daqqa ta’ sikkina f’wiċċu sieħbu, kien ilu fuq libertà proviżorja mill-2019, ġie mixli li weġġa’ gravi lill-uffiċjal tal-pulizija, li għamel ħsara fl-uniformi tiegħu u heddu, li ostakola lill-uffiċjal fil-qadi ta’ dmirijietu u ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.
Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija skoprew li Azzopardi kien diġà jgħix Monte Carmeli. Missieru, preżenti fl-awla, qal lill-Qorti li kien lest li jħalli lill-akkużat joqgħod miegħu. L-avukati difensuri ta’ Azzopardi, Franco Debono u Francesca Zarb, sostnew li ma kienx hemm biża’ li hu jbagħbas l-evidenza peress li l-inċident kien inqabad fuq il-bodycam tal-uffiċjal tal-Pulizija. Il-libertà proviżorja ġiet miċħuda.
//= $special ?>