Żewġt irġiel minn Bormla wieġbu mhux ħatja li taw in-nar karozza lejlet l-Ewwel tas-Sena. Charlie Brincat ta’ 41 sena u Christopher Zammit ta’ 54 sena, it-tnejn Bormla, tressqu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia. L-Ispettur Kurt Farrugia qal lill-Qorti li waqt patrol tal-Pulizija, iltaqgħet mat-Toyota taqbad fi Triq San Pawl, Bormla, u użaw fire extinguishers miżmuma fil-karozza tal-għassa tagħhom biex jikkontrollaw il-fjammi sakemm waslet l-għajnuna minn persuna li toqgħod fil-qrib.
Qal li l-Pulizija stabbilixxew li resident ieħor minn Bormla ilu jagħmel użu mill-vettura minn Ottubru li għadda. Filmati tas-CCTV miġbura mill-Pulizija wrew liż-żewġ akkużati mexjin fi Triq San Pawl. Filmati wrewhom ukoll mexjin lejn post ieħor u reġgħu dehru xi żmien wara lebsin ħwejjeġ differenti u sejrin lejn id-dar ta’ Zammit.
Brincat, bejjiegħ tal-ħaxix, u Zammit, manifattur tal-għamara, it-tnejn ċaħdu l-akkużi. Il-motiv tal-allegat ħruq ma ġiex spjegat fil-Qorti. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u semmiet in-natura serja tal-akkużi, il-fatt li kemm l-akkużati għandhom rekord kriminali kif ukoll li Brincat u Zammit huma ġirien, li tagtiom l-opportunità li jbagħbsu l-evidenza.
L-Avukat Franco Debono qal lill-Qorti li Zammit jista’ jipprovdi indirizz alternattiv fiż-Żejtun, jekk ikun hemm xi kwistjoni. Saħaq li m’hemmx biża’ awtomatika li l-akkużati jistgħu jindaħlu fil-provi sempliċement għax jgħixu qrib xulxin.
“Irid ikun hemm biża’ konkreta li l-akkużat ibagħbas l-evidenza,” qal l-Avukat Debono. Il-fatt li għad fadal xhieda li jridu jixhdu ma jipprovax b’mod deċiżiv li din il-biża’ teżisti,” qal. Il-Maġistrat ċaħad il-libertà proviżorja u żamm lit-tnejn taħt arrest preventiv. Għal Zammit dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Brincat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Mattia Felice.
//= $special ?>