Futbol Sport

Hugo Lloris jirtira mill-futbol internazzjonali

(Ritratt: EPA)

Il-goalkeeper ta’ Franza Hugo Lloris ħabbar li temm il-karriera mat-tim nazzjonali Franċiż fl-età ta’ 36 sena.

Id-deċiżjoni tal-captain ta’ Tottenham tasal tliet ġimgħat wara li Franza ġiet megħluba mill-Arġentina bil-penalties fil-finali tat-Tazza tad-Dinja fit-18 ta’ Diċembru.

Lloris kien captain tat-tim Franċiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2018

“Iddeċidejt li nwaqqaf il-karriera internazzjonali tiegħi, inħoss li tajt kollox,” qal Lloris.

Meta tkellem ma’ L’Equipe, huwa żied: “Naħseb li huwa importanti li ddeċidejt issa, xahrejn u nofs qabel il-bidu tal-kwalifikazzjoni għall-Euro.”

Fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 Franza se jiltaqgħu kontra Ġibiltà, il-Greċja, l-Olanda u r-Repubblika tal-Irlanda.

Lloris għamel id-debutt internazzjonali tiegħu bħala żagħżugħ ta’ 21 sena f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Urugwaj f’Novembru tal-2008.

Fit-Tazza tad-Dinja ta’ xahar ilu, Lloris sar l-aktar plejer li lagħab għal Franza b’145 logħba, tlieta aktar minn Lilian Thuram li lagħab 142 darba. Huwa kien captain f’121 logħba, li ukoll huwa rekord Franċiż.

Id-deċiżjoni ta’ Lloris waslet wara li l-manager ta’ Franza Didier Deschamps estenda l-kuntratt tiegħu sa Ġunju tal-2026.

Lloris qal li jasal iż-żmien li jkun hemm bżonn li twarrab u għamel aċċenn ukoll għall-goalkeeper ta’ Milan, Mike Maignan li qal li huwa lest li jieħu postu bejn il-lasti tat-tim nazzjonali Franċiż. Maignan tilef it-Tazza tad-Dinja tal-Qatar minħabba injury li għadu sal-lum ma rkuprax minnha.