Bosta kollegi, ħbieb u qraba ta’ Kenneth Zammit Tabona nġabru fit-Teatru Manoel biex isellmulu u jawgurawlu fi tmiem il-kariga tiegħu bħala Direttur Artistiku.
Fl-2012, huwa kien sar ukoll il-Fundatur u d-Direttur Artistiku tal-Valletta Baroque Festival u tal-Valletta Baroque Ensemble, li ssuktaw bis-suċċessi sal-lum – megħjuna bl-istrumenti barokki miksuba għat-teatru minn Zammit Tabona – u li poġġew lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-Barokk.
Qabel il-ħatra tiegħu bħala Direttur Artistiku f’Jannar 2013, huwa ħadem bħala kritiku tal-mużika, tgħallem kif jipproduċi l-opra mingħand il-mentor u d-direttur kollega tiegħu l-Alfredo Spiteri Mallia, u rrappreżenta lit-teatru waqt laqgħa ta’ PERSPECTIV – l-Assoċjazzjoni tat-Teatri Storiċi Ewropej, f’Litomyšl, ir-Repubblika Ċeka.
Matul il-kariga ta’ Zammit Tabona bħala Direttur Artistiku, huwa ta bidu għal diversi avvenimenti fit-teatru li servew ta eżempju għal oħrajn li ġew wara, b’mod speċjali l-produzzjoni interna ta’ The Crucible ta’ Arthur Miller fl-2018. Sadanittant, it-Teatru Manoel offra lill-patruni tiegħu produzzjonijiet ta’ kwalità għolja u appoġġ lill-artisti, b’masterclasses minn kantanti bħal Mariella Devia u atturi fosthom Eugene Simon.
Kenneth Zammit Tabona ngħaqad ma’ Festivals Malta fl-2021 u issa jservi bħala Direttur Artistiku tal-Festivals tal-Barokk u tal-Opra tal-Barokk, li tifforma parti mill-Festival tat-Tliet Palazzi.
//= $special ?>