Lokali Saħħa

It-tobba jgħidu li l-liġi hi bbażata biss fuq spin

Ma taqta’ xejn il-kontroversja dwar l-abort hekk kif it-tobba issa esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li l-liġi l-ġdida li mbotta ‘l quddiem il-Gvern hija ibbażata biss fuq spin biex tiġi aġevolata l-aġenda ta’ dawk li huma favur l-abort.

Fi stqarrija, Doctors for Life fakkru kif x-xhieda fil-każ ta’ Andrea Prudente kkonfermaw taħt ġurament li hi qatt ma kienet fil-periklu li tmut. U għalhekk, in-nuqqas tal-Ministru tas-Saħħa li dak iż-żmien żamm lura milli jagħmel l-affarijiet ċari, ta lok lil-lobby favur l-abort biex jimbuttaw l-aġenda tagħhom.

It-tobba insistew kif il-professjonisti Maltin, f’sitwazzjonijiet simili, dejjem offrew l-aqwa servizz possibbli. Tant li l-ebda omm ma tilfet ħajjitha f’Mater Dei b’kumplikazzjonijiet ta’ dan it-tip.

Fl-istqarrija, Doctors for Life jgħidu wkoll li meta kien feġġ il-każ ta’ Prudente – apparti li Fearne baqa’ sieket – anke d-Dipartiment tas-Saħħa ma qal assulutament xejn biex jipproteġi lit-tobba.

Issa, it-tobba qed jappellaw biex id-deputati janaliżżaw sew dak li ntqal fil-Qorti nhar il-Ġimgħa fil-każ kostituzzjonali li Prudente fetħet kontra pajjiżna, fejn ħareġ ċar kristall li hi qatt ma kellha ħajjitha f’riskju.

Doctors for Life fakkru li l-emenda tal-Gvern kienet imfassla minħabba dan il-każ, u allura issa qed jitolbu li bis-suppost bidliet li se jsiru, il-Gvern stess iserraħ ras kulħadd.

L-istqarrija tgħid ukoll li t-tarbija fil-ġuf jeħtiġilha protezzjoni.