Is-seduta parlamentari tal-lejla kellha tkun sospiża għal xi ħin għax il-Membri Parlamentari tal-Gvern ta’ Robert Abela ġew jaqgħu u jqumu minn Abbozz ta’ Liġi li ressaq il-Prim Ministru stess dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fi stqarrija maħruġa mill-Whip u Segretarju tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar, tgħid li għall-Partit Nazzjonalista, l-arroganza tal-Gvern – bil-preżenza ta’ erba’ Deputati biss tal-Gvern preżenti fil-Plenarja matul diskussjoni dwar Abbozz ta’ Liġi tal-Gvern stess – m’hijiex aċċettabbli.
Għaldaqstant, kien mitlub Kworum, bl-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ma kellux għażla oħra ħlief li jissospendi l-Kamra.
Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela u l-Gvern tiegħu biex jibda jieħu bis-serjetà lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.