Futbol Sport

João Félix jingħaqad ma’ Chelsea b’self

(Ritratt: EPA)

Chelsea laħqu ftehim ma’ Atletico Madrid sabiex il-midfielder avvanzat João Félix jingħaqad mal-Blues b’self sa tmiem l-istaġun.

Huwa rraportat li Chelsea ħallsu £9 miljun lil Atletico Madrid u li l-ftehim ma’ jinkludix l-għażla li t-trasferiment isir wieħed perpanenti.

Fl-istess waqt l-internazzjonali Portugiż mistenni jiffirma estensjoni ta’ sena ma’ Atletico Madrid biex b’hekk ikun marbut sal-2027 hekk kif il-kuntratt tiegħu bħalissa jiskadi fl-2026.

Il-Blues aġixxew malajr biex jakkwistaw lil Felix, li għamilha ċara li jrid iħalli lil Atletico.

Hu mifhum li Manchester United, li ukoll kienu qed jitkellmu mal-Madrileni, ma qablux mal-prezz ta’ self li qed jintalab mill-ġganti Spanjoli u minn dakinhar tefgħu l-attenzjoni tagħhom lejn l-eks attakkant ta’ Burnley Wout Weghorst.

Arsenal qed ifittxu wkoll rinforzi fuq quddiem iżda jidher li huma wkoll qagħdu lura mill-prezz, u kellhom taħditiet ma’ Atletico fi sforz biex ibaxxuħ.

Chelsea qed ifittxu biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-attakk tagħhom, bit-tim ta’ Graham Potter qed ibgħatu l-aktar f’dan id-dipartiment.

Felix, li għandu 23 sena, kien inkonsistenti ma’ Atletico dan l-istaġun. Huwa skorja erba’ gowls u provda tliet assists f’14-il dehra fil-LaLiga.