Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Rebħa drammatika għal Starlites FIJO

Colin Schembri

Gżira Athleta………………65

Mellieħa Libertas………..88

(12-23)(19-20)(21-25)(13-20)

Fl-ewwel partita tas-sena 2023, iż-żewġ timijiet kellhom xi uċuh ġodda. Athleta ntroduċew player barrani ġdid, il-Kanadiż Henry Van Herk flimkien ma’ Peter Shoults u r-ritorn ta’ Matthew Gouder. Mellieħa ffirmaw magħhom lill-player t’esperjenza vasta Omar Said li kellhu snin tad-deheb propju mat-team tall-Athleta. Joe Galea kellhu jagħddi mingħajr l-Amerikan Roland Griffen għal din il-partita. Kienu Mellieħa li fetħu tajjeb meta għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita minn Connor Zinaich u Nenad Bukva. Wara time-out u basket ieħor ta’ Bukva, Athleta bdew jirrispondu għalkemm l-ewwel punti tagħhom ġew minn free-throws ta’ Van Herk u Nathan Xuereb. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin qabel ma Mellieħa għalqu t-taqsima b’ħames punti mingħajr risposta minn Zinaich u Vukassin Jandric għal skor ta’ 23-12. Fit-tieni perjodu, Athleta kellhom il-punti ta’ Xuereb u Van Herk però Zinaich beda jwieġeb kontinwament għal Mellieħa biex ħallijhom 11 minn fuq 29-18. Punti ta’ Gouder u Xuereb ressqu lill-Athleta viċin però Mellieħa kellhom trippla minn Nikola Jovanovic. Athleta reġgħu naqqsu d-distakk permezz ta’ Van Hak u Gouder qabel ma Mellieħa għalqu s-sessjoni bi break qasir ta’ 7-2 bi trippla ta’ Zinaich u daħlu jistrieħu 43-31 minn fuq.

Wara l-intervall, kien hemm punti fuq kull naħa biex Mellieħa żammew vantaġġ ta’ 10 punti 49-39. Huma kabbruh wara trippla minn Jandric u punti minn Zinaich u Miguel Falzon. Athleta reġgħu waslu sa’ 10 punti ‘l bogħod iżda hawn waslu sensiela ta’ punti minn Mellieħa permezz ta’ Zinaich, David Bugeja u trippla ta’ Said u minkejja li Xuereb ukoll għamel trippla għall-Athleta, Mellieħa temmew is-sessjoni 68-52 minn fuq. Fl-aħħar perjodu kien hemm trippli minn Jovanovic u Xuereb qabel ma Mellieħa għamlu run oħra ta’ 10-2 li kabbritilhom il-vantaġġ għal 24 punt 83-59. L-aħħar sforz minn Athleta ssarraf f’punti minn Naz Buhagiar u Van Herk però l-vantaġġ ta’ Mellieħa kien komdu biex rebħu l-partita 88-65.

Gżira Athleta: H. Van Herk 22, N. Buhagiar 2, P. Shoults 2, L. Stefanovic, J. Ellul Dowling 1, N. Xuereb 19, R. Griffin, I. Xuereb, M. Gouder 19, R. Abela, B. Zammit.

Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon 4, D. Bugeja 4, R. Bonnici, V. Jandric 17, I. Bonett 4, N. Bukva 11, N. Jovanovic 11, C. Zinaich 34, M. Formosa, O. Said 3.

Referees: Gordon Barbara, Julie Londono, Ionut Ciurariu

Bupa Luxol………….93

Starlites FIJO……….94

(28-25)(28-22)(12-31)(25-16)

Frisk mir-rebħ tal-unur tal-player tas-sena tal-istaġun 2021/2022, Alec Felice Pace għamel il-basket deċisiv fl-aħħar sekonda biex ta rebħa drammatika lic-champions Starlites Fijo kontra Bupa Luxol. Partita li ħalliet lil kulħadd fuq ix-xwiek u kienet reklam mill-aqwa għal-logħba lokali. Ian Felice Pace u Kurt Xuereb għadhom neqsin għal Starlites fil-waqt li Luxol kienu bil-formazzjoni kompleta tagħhom. Kienu Starlites li għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita minn Darius George u Matthew Scerri, ukoll rebbieħ fl-unuri tal-players tas-sena fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena. Luxol bdew jirrispondu bit-trippli minn Trevian Bell u Nikola Vasovic però Starlites ukoll kellhom it-three pointers minn Matthew Attard li għamel tlieta biex fetħilhom vantaġġ ta’ 10 punti 20-10. Wara punti fuq iż-żewġ naħat, Luxol kellhom run tajba ta’ 12-0 bil-baskets ta’ Bell u Tayler Mattos flimkien ma’ Stefan Cappello. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Scerri però trippla ta’ Bell għalqet it-taqsima favur Luxol fuq skor ta’ 28-25. It-tieni taqsima fetħet bil-punti fuq kull naħa, fejn Bell u Attard kellhom trippla kull wieħed. Luxol baqgħu fuq quddiem minkejja trippla oħra ta’ George għal Starlites hekk kif għamlu seba’ punti mingħajr risposta. Miguel Fabri kellhu trippla għal Starlites però kienu Luxol li daħlu jistrieħu 56-47 minn fuq wara punti ta’ Mattos u Bell.

Fit-tielet sessjoni, Starlites kellhom l-aħjar bidu meta għamlu run ta’ 11-2 b’żewġ trippli oħra minn Attard flimkien ma’ Felice Pace u George. Wara basket minn Jean Paul Schembri, Starlites għamlu seba’ punti oħra bit-three pointers minn George u Felice Pace u marru fuq quddiem 66-60. Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ wara seba’ punti konsekuttivi bit-trippli ta’ Bell u Vasovic però Starlites għamlu run oħra ta’ 12-0 bit-three pointers ta’ Attard u Fabri għal skor ta’ 78-68. Fl-aħħar taqsima, Luxol ma ċedewx tant li wara trippla fuq kull naħa, huma komplew bi break ta’ 17-5 b’żewġ trippli ta’ Bell u u marru basket minn fuq 90-88. Bell għamel ħames punti oħra biex ħalla lil Luxol 4 minn fuq 63-89. Sitt sekondi mit-tmiem, George għamel trippla għal Starlites però Luxol kellhom il-pussess tal-ballun. Felice Pace seraq il-ballun lil Bell u baqa’ sejjer biex għamel il-basket tar-rebħa fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 94-93.

Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 14, M. Sciberras 2, T. Bell 47, N. Engelbert, JP Schembri 2, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 22, M. Matijevic 2, S. Cappello 4.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 14, M. Attard 28, M. Barbara, M. Fabri 8, L. Riolo, M. Scerri 7, R. Carabott, L. Farrugia 2, N. Sultana, D. George 24, J. Notch 8.

Referees: Gordon Barbara, Fiorentina Ciurariu, Ionut Ciurariu

Depiro……………….79

Hibernians…………80       

(25-24)(21-20)(18-20)(15-26)

Hibs komplew fejn ħallew fit-tmiem is-sena 2022 meta għelbu lil Depiro 90-79 biex pattew għat-telfa fl-ewwel round u fis-shield kontra l-istess avversarji. Iż-żewġ timijiet issa għandhom tlett rebħiet u ħames telfiet però għadom penalliżati bi tlett punti mnaqssin. Depiro ntroduċew lil Kieron Caruana mit-team ta’ Depiro Hoops li jilgħabu fit-tieni diviżjoni. Il-partita fetħet b’basket fuq kull naħa qabel ma Depiro kellhom seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Nicholas Grech. Hibs wieġbu permezz ta’ Anton Axiaq u Ivan Demcesen però Depiro kellhom aktar three pointers din id-darba minn Miguel Brincat biex baqgħu fuq quddiem. Hibs ukoll kellhom it-trippli minn Luke Farrugia però kienu Depiro li temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 25-24. It-tieni taqsima fetħet kif spiċċat l-ewwel waħda bit-three pointers fuq kull naħa, u ż-żewġ timijiet komplew iwieġbu lil xulxin biex il-vantaġġ beda jdur minn naħa għall-oħra. Depiro kellhom mument tajjeb b’sitt punti mingħajr risposta però Hibs wieġbi bit-three pointers ta’ Justin Bogle u Matthew Attard biex ippareġjaw il-partita 44-44. Qabel intemmet it-taqsima, Kameron Rooks għamel l-aħħar basket ta’ Depiro biex daħlu jistrieħu 46-44 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, wara trippla minn Brincat għal Depiro, Hibs kellhom rin ta’ 14-2 b’żewġ three pointers minn Attard u Farrugia flimkien mal-punti ta’ Bogle u Axiaq biex fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 58-51. Depiro tħabtu biex jerġgħu jirkupraw u kellhom il-punti ta’ Rooks u Cornelius biex it-taqsima għalqet f’parita ta’ 64-64. Fl-aħħar sessjoni, Hibs kellhom run deċisiva ta’ 16-3 bit-three pointers ta’ Demcesen u Paul Attard u l-punti ta’ Bogle u Axiaq. Depiro dehru maħsuda u minkejja t-tieni trippla ta’ Michael Debattista, Hibs kellhom il-punti finali ta’ Demcesen u Bogle għal skor finali ta’ 90-79.

Depiro: S. Galea, J. Micallef, A. Aquilina 7, N. Grech 8, S. Kenely, K. Rooks 27, M. Brincat 18, M. Mallia, C. Cornelius 13, M. Debattista 6, K. Caruana.

Hibernians: N. Cassar 2, P. Attard 7, L. Attard, L. Farrugia 14, L. Borg, A. Axiaq 11, R. Aquilina,  M. Attard 14, J. Bogle 29, M. Bezzina, I. Demcesen 13.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Ionut Ciurariu