Kultura Lokali

L-Oratorju “Sebastianus Christianus” fil-Katidral tal-Imdina

Il-kumitat u bandisti fi ħdan is Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, kif ukoll membri tal-kor jinsabu għaddejjin bi ħġarhom fil-preparamenti għall-Oratorio Sebastjanus Christianus li se jittella’ fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Jannar 2023, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dominic Darmanin.  Dan l-Oratorio, li oriġinarjament kien sar fl-2012, mistenni li jagħlaq l-attivitajiet li kienu ntiżi biex wara perjodu dominat mill-pandemija tal-Covid, jitfakkar il-160 sena mit-twaqqif tal-istess Socjetà Qormija fl-1862. 

F'”Sebastianus Christianus” li għandu kitba ta’ Sebastian Saliba u kompożizzjoni ta’ Mro Ray Sciberras, niltaqgħu mal-hekk imsejħa ‘Tfajla tal-Widien’ li artistikament tirraffigura l-Belt Pinto u li tirrakkuntalna l-ġrajja tal-qaddis prottetur kontra l-mard infettiv.  Dan filwaqt li ssir referenza għall-ġrajjiet tal-lokalità li partikolarment fl-1813 inħakmet sew mill-imxija tal-pesta u li ħalliet bosta vitmi.

‘It-Tfajla tal-Widien’ tagħmel referenzi għall-karattri bħal San Marku u Marċelljanu li jissemmew fil-Passio dwar il-ħajja tal-qaddis u b’mod kreattiv isir tixbiħ u kuntrasti bejn episodji fil-ħajja tal-qaddis u ġrajjiet imsemmija fil-Kotba Mqaddsa. Dan isir b’mod intenzjonali mill-awtur li permezz ta’ dan ix-xogħol artistiku jrid iqanqal il-ħsieb tagħna llum. 

Ċertu kuntrasti jilħqu il-qofol lejn nofs il-lirika tal-Oratorio meta ssir referenza għall-fejqan ta’ Żoe li kienet muta, b’kuntrast mall-ħtieġa tal-fejqan tagħna.  Dan filwaqt li lejn it-tmiem issir referenza għall-miraklu li Ġesu’ wettaq bil-fejqan ta’ persuna għamja, b’mod li d-dlam ta’ dawk li ma jistgħux jaraw lid-dinja jitqabbel mad-dlam ta’ min ma jridx jagħraf lil Alla.

Għalkemm dan l-Oratorio kien oriġinarjament sar fl-2012, qatt daqs illum ma qed isir bħala talba animata mużikalment, b’radd il-ħajr lil Alla u lil San Sebastjan bħala qaddis patrun kontra l-mard infettiv.  Dan meta wara xhur dominati mill-pandemija tal-Covid 19, erġajna qbadna r-ritmu tal-ħajja u ta’ dan nagħtu ħajr lil Alla u lill-qaddis patrun ta’ Ħal Qormi, San Sebastjan, bl-aħjar mod li tista’ tagħmel is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan.