Futbol Sport

Le Graet jiskuża ruħu għall-kummenti fil-konfront ta’ Zidane

(Ritratt: EPA)

Noel Le Graet, President tal-FA Franċiża, talab appoloġija għall-kummenti dispreġjattivi li għadda fil-konfront tal-eks plejer internazzjonali Franċiż, Zinedine Zidane.

L-għola uffiċjal tal-futbol Franċiz, Le Graet u li għandu 81 sena, fil-jiem li għaddew qal li kieku ċempillu Zidane biex isir kowċ ta’ Franza, ma kienx jirrispondi t-telefonata tiegħu. Le Graet qal dan wara li sar magħruf li l-FA Franċiza kienet estendiet il-kuntratt ta’ Didier Deschamps sa Ġunju tal-2026 bħala kowċ tat-tim nazzjonali Franċiz.

Il-kummenti ta’ Le Graet nisslu reazzjoni kbira, mhux biss mill-kamp sportiv, fosthom b’stmerrija mill-istilla Franċiża, Kylian Mbappe li kiteb fuq il-midja soċjali b’twissija lil Le Graet biex ma jurix disrispett lill-ikona tal-futbol Franċiża, Zidane, iżda anke mill-politiċi tal-pajjiż.

Amélie Oudéa-Castéra, Ministru għall-Isport fi Franza, ikkundannat dawn il-kummenti fil-konfront ta’ Zidane bl-akbar qawwa. Hi qallet li l-kummenti ta’ Le Graet ħolqu emozzjoni komuni fost il-Franċiżi kollha, saħansitra fost l-aqwa plejers tat-tim nazzjonali.

Filwaqt li l-Ministru Oudéa-Castéra kellha kliem ta’ tifħir lejn il-kowċ konfermat ta’ Franza, Deschamps, hi saħqet li Zidane jirrapreżenta sens ta’ ammirazzjoni għal kwalunkwé ċittadin Franċiz madwar id-dinja kollha. Għaldaqstant kummenti bħal m’għadda Le Graët dwar Zidane m’għandhom qatt jerġħu jingħaddu.

B’reazzjoni għal dan, Le Graet skuża ruħu għal dak li qal fil-konfront ta’ Zidane, u f’intervista fuq stazzjon tar-radju Franċiz, il-President tal-FA Franċiza żied jgħid li l-kummenti tiegħu ċertament ma jirriflettux dak li hu jaħseb dwar Zidane, u l-mod ta’ kif jikkonsidraħ, kemm għall-karriera li kellu bħala plejer kif ukoll il-karriera li għandu llum bħala kowċ.