Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ mediċini, waiting list titwal, u sigħat ta’ stennija fl-Emerġenza

Il-President tal-MUMN Paul Pace ma tantx huwa kuntent li l-Ministru tal-Anzjani JoEtienne Abela jaf jieħu promotion għal Ministru tas-Saħħa. Dan kemm-il darba Chris Fearne jingħata kariga Ewropea.

Paul Pace kien qed jgħaddi dawn il-kummenti f’intervista lill-ġurnalist tat-Times Mark Lawrence Zammit.

Paul Pace insista li fil-qasam tas-saħħa, pajjiżna għandu bżonn Ministru li jara l-affarijiet b’lenti differenti; possibbilment Ministru li tkun mara.

Matul din l-intervista, il-President tal-MUMN semma’ kif il-problema tal-mediċini out-of-stock qed terġa’ tgħolli rasha. Tkellem ukoll dwar l-istennija li hemm għal ċertu operazzjonijiet; f’xi każi anke snin.

Inkwetanti wkoll l-istennija enormi li qed ikun hemm fl-Emerġenza, frott il-management ħażin minn naħa tal-Gvern. U li qed jissarraf f’piż enormi fuq l-infermieri, it-tobba u l-professjonisti mediċi. Dan minkejja d-diversi wegħdiet li qed jagħmel il-Gvern, Budget wara l-ieħor.