Il-Gvern irid li jnaqqas is-servizzi mogħtija u jneħħi xi benefiċċji lill-għaqdiet non-governattivi li jħarsu l-interessi tal-annimali fl-uniku Sptar pubbliku tal-Annimali li għandna – liema fatt joħroġ ċar mill-proposta li ressaq il-Gvern fil-Parlament biex jinbidlu jew jitneħħew numru ta’ obbligi li l-kuntrattur tal-Isptar għandu fil-konfront tal-pubbliku.
Dan qaluh id-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, Rebekah Borg u Graham Bencini – Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u Janice Chetcuti – Kelliem għad-Drittijiet tal-Annimali, l-Ambjent u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dan hu pass lura fis-servizz offrut mill-uniku Sptar pubbliku tal-Annimali, li jinsab f’Ta’ Qali, fejn minflok qed nimmiraw li nimxu ‘l quddiem u ntejbu d-drittijiet u l-ħarsien tal-annimali f’Malta, il-Gvern ta’ Robert Abela jrid jieħodna lura.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern qed jipproponi kuntratt li se jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kuntratt oriġinali li ngħata fl-2016, fejn qed jipproponi li l-kuntrattur ikun rilaxxat mill-obbligi tiegħu li jipprovdi dawn is-servizzi:
- Li jitneħħa l-iskont fil-prezz ta’ 25% għall-operazzjonijiet ta’ neutering li jsiru minn NGOs jew organizzazzjonijiet volontarji fl-Isptar tal-Annimali;
- Il-Gvern irid li spejjeż relatati ma’ għotja ta’ mediċina, xi konsum jew triage li jingħata lil annimali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi ma jibqgħux b’xejn;
- Għal xi raġuni, jitneħħa l-obbligu li l-Isptar ikun qed jiffunzjona “esklussivament” bħala Sptar Veterinarju;
- Jitneħħa l-obbligu li l-Isptar ikun mgħammar bl-aħħar teknologija;
- Jitneħħa l-obbligu li l-Isptar isegwi u jaderixxi ruħu ma’ standards Ewropej u internazzjonali fir-rigward ta’ regolamenti u proċeduri fl-Isptar tal-Annimali;
- Jitneħħa l-obbligu li l-Isptar ikollu speċjalisti veterinarji ingaġġati miegħu;
- Li l-annimali li jkunu rikoverati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi li jiġu bżonn il-kura fl-Isptar ikollhom bżonn xi mediċina, minflok li l-Isptar iżomm għall-ispiża skont l-istess prezz li bih inxtara (at cost price) minflok jibda jżomm skont ir-rati fis-suq (market price).
Dawn it-tibdiliet qed ikunu proposti mill-Gvern Laburista f’riżoluzzjoni u abbozz ta’ kuntratt li se jitressaq għal vot quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern ta’ Robert Abela biex ibiddel ir-rotta u, minflok ma jnaqqas is-servizzi u l-benefiċċji tal-Isptar pubbliku tal-Annimali f’pajjiżna, iżid u jtejjeb fuq il-viżjoni li welled Gvern Nazzjonalista, jiġifieri l-kura pubblika tal-annimali.
//= $special ?>