Lokali Qorti

Prostituta rat lill-akkużati jwettqu l-qtil ta’ Sion Grech u spiċċat mhedda minn wieħed mill-akkużati

L-ex Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li kien fost numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija li nvestigaw il-qtil ta’ Sion Grech qal fil-Qorti li kien hemm persuna Għarbija li qalet lill-Pulizija li dakinhar li instabet il-vittma mejta f’għalqa fil-Marsa, wieħed mill-akkużati fil-qtil tagħha, l-Libjan Ismael Habesh deher inkwetat ħafna. Tenna wkoll li kien hemm prostituta li rat lill-akkużati jwettqu r-reat, iżda warrbet għal xi minuti sakemm marret ma’ klijent.

Din ix-xhieda kienet ikkorraborata minn Chris Pullicino li kien ukoll investiga l-każ u li xehed wara nofs inhar. Pullicino qal li l-mara, Jacqueline Rapinett kienet qaltlu li l-fatt li Habesh kien konxju li hija rat kollox, dan heddidha u qalilha li jekk tparla, kien se jiġrilha l-istess bħal Sion Grech.

Valletta, li dak iż-żmien kien Spettur fis-CID qal li fit-13 t’April kien dieħel xogħol ta’ bil-lejl, fejn ġie infurmat li aktar qabel kien instab katavru l-Marsa u kien intalab imur jassisti lis-Supretendent Carmelo Bartolo. Qal li l-katavru ġie identifikat bħala ta’ Sion Grech u li skont l-awtopsja din inqatlet b’sikkina.

Dan ħareġ meta quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja daħal fit-tieni jum tiegħu l-ġuri ta’ Ismael Habesh ta; 52 sena u t-Tuneżin Faical  Mahouachi ta’ 55 sena, qed jiġu akkużati bil-qtil volontarju ta’ Grech, il-pussess ta’ arma tan-nar waqt ir-reat u l-ġarr ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja u fil-każ ta’ Habesh li wettaq il-qtil meta saq karozza li kien parteċipi fis-serq tagħha.

Fil-fatt Habesh qed jiġi akkużat li rċieva oġġetti misruqa b’rabta mal-karozza Ford Escort li ntużat biex hu u Mahouachi, jmorru ħdejn Grech, li bla ħajja. Mill-awtopsja rriżulta li l-vittma nqatel bi 17-il daqqa ta’ sikkina. L-eks Kummissarju tal-Pulizija Valletta qal li maż-żmien kienet instabet ukoll vettura li kienet misruqa, u li din nstabet fin-Naxxar. Irriżulta li din il-karozza kienet insterqet minn ċertu ‘Jamal’ mill-Qawra. Dan kien ġie arrestat f’Raħal Ġdid. Qal li kien ammetta li seraq il-karozza u li kien ikun ħafna ma’ Habesh.

Valletta xehed li maż-żmien Jamal tressaq il-Qorti u ammetta li seraq il-karozza. Huwa tkellem ukoll dwar il-qtugħ tal-ħaxix li sar fl-għalqa fejn instabet Sion. Valletta sostna li hu ma daħalx fl-għalqa. Waqt il-kontro-eżami li kien magħmul mill-avukat Ishmael Psaila, li flimkien ma’ l-Avukat Edward Gatt qed jidher għal Habesh, Valletta ġie mistoqsi dwar stqarrija li ta ċertu Mario Farrugia li kien mekkanik u kellu garaxx il-Marsa.

Kien qal lill-Pulizja li kien jaf lil Sion Grech u kien jaf li fil-verità kienet raġel. Qal li l-vittma marret ħdejh l-Erbgħa 6 ta’ April 2005, u talbitu sigarett. Qal li meta ħarġet mingħandu, sema’ lil Sion Grech tgħajjat li qed jiġru warajha. Qal li dakinhar filgħaxija wara li għalaq il-garaxx, kien qed isuq lejn id-dar u ra lill-vittma miexja b’mod normali u waħidha.

Id-difiża irreferiet lil Valletta għal xhieda ta’ terzi persuni li dak iż-żmien kienu qalu lill-Pulizija li l-vittma ġieli qalgħet xebgħat minħabba li darba serqet xi nuċċalijiet u drogi minn vettura ta’ persuna. Kien hawn li Valletta qal ukoll li kien hemm prostituta li rat lill-akkużati jwettqu r-reat, iżda warrbet għal xi minuti sakemm marret ma’ klijent.

Hija reġgħet irritornat fuq ix-xena tad-delitt. Id-difiża staqsiet kif inhu possibbli li persuna tara delitt bħal dak iseħħ quddiemha, tmur ma’ klijent, u imbagħad tmur fuq ix-xena. Valletta qal illi dik hija l-informazzjoni li kellu f’idu.

L-Ewwel xhud tat-Tlieta kien l-eks Suprtetendent tal-Pulizija Carmelo Bartolo li dak iż-żmien kien parti mill-investigazzjonijiet. Qal li Sion Grech kienet intalbet tiffirma l-bail book kultant żmien, u meta ġiet nieqsa raw li l-aħħar li ffirmat il-ktieb kien fl-4 ta’ April tal-2005.

Qal li fit-tfittxija għal Sion Grech, sar jaf li Ismael Habesh, wieħed mill-akkużati, kien qrib tal-vittma. Sostna li huwa bagħat għalih u nnota li Habesh kellu xi ġrieħi. Huwa qal li ħadu ċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana, fejn Habesh ġie ċċertifikat biss li kellu ġrieħi ħfief.

Bartolo qal li dakinhar iċ-ċentru tas-saħħa ma qalulux ma xhiex kienu kompatibbli dawn il-ġrieħi, u kemm kienu ilhom hemm. Kien għalhekk li qabbad lill-espert Mario Scerri sabiex jagħmel eżamijiet ulterjuri. Żied li wara tfittxija li għamel fuq Habesh sablu pakkett sigaretti u fih kien hemm żewġ simcards. Qal li beda investigazzjoni dwarhom. Irriżulta illi sim card minnhom kienet ta’ persuna li kien insteraqlu l-mobile ftit taż-żmien qabel.

Kompla li matul l-interrogazzjoni iltaqa’ ma’ mara li qaltlu li dak il-lejl li seħħ l-omiċidju ltaqat ma’ Sion Grech dak il-lejl li seħħ l-omiċidju. Qalet li din kellha xi demm ma’ jdejha u qaltilha li kellha argument. Kien hawn li Grech talbitha l-mobile biex iċċempel lil Ishmael Habesh biex jiġi jipproteġiha.

Iktar tard l-istess persuna rat lil Habesh, fejn dan staqsiha jekk kinitx rat lil Sion Grech. Qalilha li jekk Sion tistaqsi għaliha, tgħidlu li Habesh ma kienx hemm. Xehed li persuna oħra li kienet f’bar u li kienet taf kemm lil Sion u lil Habesh, qalet li mal-lejl kienet f’bar fejn Habesh daħal u talab xemgħa, għax qal li kellu xi problema fil-karozza u kellu bżonn id-dawl sabiex jara.

Meta l-investigaturi tkellmu mal-mara ta’ Habesh, qalu li din qaltilhom li Habesh kien daħal id-dar għall-ħabta tal-10pm u ma reġax ħareġ. Iktar tard l-investigaturi tkellmu ma’ persuna oħra li kienet tiffrekwenta l-inħawi tal-Marsa. Qalet li dakinhar iltaqgħet mal-vittma u qaltilha illi kienet ġie aggredita minn persuna wara li pprova jisirqilha l-mobile. Dakinhar kienet liebsa flokk imqatta’, bra iswed, u takkuna. Qalet li Grech kienet tbiddel il-ħwejjeġ qabel tibda tipprostitwixxi ruħha ħdejn it-tarzna ta’ Cassar fil-Marsa.

Kien għalhekk li l-investigaturi bdew ifittxu fiż-żona fejn sabu xi ħwejjeġ f’borża. L-investigazzjoni wasslet biex fis-6 ta’ April, l-għada tad-delitt, instab li mil-linja tal-mobile ta’ ċertu Mark Borg, saru tliet telefonati lejn linja tal-mobile ta’ Sion Grech. Mark Borg ġie mitkellem mill-Pulizija fejn qal illi dakinhar kien mar għandu Habesh, u dakinhar talbu l-mobile “sabiex iċempel lil xi ħadd.” Irriżulta li kien Habesh li prova jċempel lil Sion Grech.

Kompla illi l-investigazzjoni wasslithom biex jemmnu illi Habesh kien qed jagħmel użu minn karozza tal-għamla Escort. Qal li din kienet misruqa u nsterqet ftit taż-żmien qabel. Qal li l-persuna li nsterqitilha l-vettura, inzerta ra lil xi ħadd isuqha f’Raħal Ġdid u segwiha sal-Marsa. Qal li ma jiftakarx min kien qed isuq u m’għarafx lil din il-persuna. Il-persuna qal li lix-xufier m’għarfux.

Huwa xehed ukoll li persuna li kienet taf lil Sion qalet li ftit qabel seħħ id-delitt, persuna ta’ nisel Għarbi kienet tat rigal forma ta’ ġakketta tal-ġilda kannella lil Sion. Maż-żmien sabu l-vettura tal-għamla Escort misruqa, u bdew l-investigazzjonijiet fuqha mill-esperti tal-Qorti. Fil-frattemp, ix-xhud qal li baqgħet għaddeja t-tfittxija fiż-żona.

Fit-13 ta’ April il-Pulizija sabu għalqa b’ħaxix għoli, li fiha nnutaw illi parti mill-ħaxix kienet mirfusa. Xehed li dakinhar innotaw żarbun abjad tan-nisa. Qal li hu u dieħel ra l-kadavru fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. Dakinhar stess saret l-awtopsja u anke ġie kkonfermat li l-kadavru kien ta’ Grech. Ftit tal-ħin wara reġgħu bagħtu għal Ismael Habesh, u qal li dakinhar bagħtu għalih mhux biex jiksbu l-informazzjoni dwar Grech, iżda biex jinvestigawh dwar omiċidju volontarju.

Ix-xhud qal li kellhom informazzjoni li l-persuna li kien qed jagħmel użu mill-karozza misruqa kien persuna bl-isem ta’ ‘Jamal’. Dan kien jgħix f’dar għal irġiel li ma kellhomx fejn joqogħdu. Dan Jamal qal lill-Pulizija li veru kien hu li qed juża Escort Mark 6, iżda qal li ġieli ħalla lil Habesh jagħmel użu minnha. Qal ukoll li kien hu li kien ta r-rigal lil Sion Grech.

Huwa kien ċaħad bil-qawwa li kien involut fl-omiċidju ta’ Grech. Qal li fil-5 ta’ April, hu flimkien ma’ Habesh kienu akkumpanjaw lil Grech għall-ħabta tal-5pm, u ħallewha l-Marsa. Iktar tard, hu flimkien ma’ Habesh kienu niżlu ħdejn Grech biex jaraw kellux bżonn xi ħaġa. Innutaw li kellha xi demm ma jdejha u Grech kienet qaltilhom li kienet involuta f’argument.

Dak il-ħin, Habesh kien qalilhom li se jmur jara min jista’ jwassalhom, u mar lejn id-direzzjoni ta’ bar fil-qrib. Dak il-ħin Jamal qal li ħalla lil Sion Grech hemm u telaq lura lejn id-dar. Jamal kien qalilhom ukoll li aktar tard mal-lejl, Habesh mar id-dar fejn kien joqgħod hu u staqsieh jekk hu kienx jaf fejn kien Sion Grech.

Jamal qallu li lil Grech “ħallejtu fejn ħallejtna inti meta mort għat-taxi.” Jamal qal li qabel telaq Habesh, għaddielu hood tas-suf u par ingwanti għax kien il-bard. Jamal kien joqgħod Palm Street Raħal Ġdid, l-istess post eżatt fejn is-sid tal-Escort misruqa kien ra l-vettura tiegħu tiġi misjuqa.

Huwa xehed li dakinhar saret tfittxija estensiva fid-dar ta’ Jamal iżda ma nstab xejn irregolari. Madankollu, dakinhar li nstabet Sion, persuna bil-kunjom ta’ Bugrara kien qal lill-Pulizija illi hu kien ġie avviċinat minn Habesh, li qal kien staqsieh jekk minn fuq katavru antik tistax ittella’ evidenza. Qal li hawn reġgħu bagħtu għal mara ta’ Habesh li qaltilhom li dakinhar tad-delitt hi u r-raġel tagħha raqdu fi kmamar differenti allura ma kinitx ċerta mija fil-mija jekk reġax ħareġ mal-lejl jew le.

Waqt il-kontro eżami tax-xhud, li reġa’ sar mill-Avukat Psaila huwa ġie misroqsi kif l-akkużat Habesh wasal il-Mosta mill-Ħamrun. Dan wara li aktar qabel ix-xhud qal li sewwieq ta’ taxi qal lil Habesh li ma kienx se jwasslu l-Mosta għax kienet se tibda logħba futbol u għalhekk qallu li se jwasslu biss sal-Ħamrun.

Id-difiża qrat stqarrija ta’ persuna li kienet taf kemm lil Habesh u anke lil Grech, u li kienet qalet mal-Pulizija li dakinhar tad-delitt rat lil xi ħadd fil-post fejn instabet Grech iktar ‘il quddiem. Din il-mara qalet li rat lil xi ħadd liebes ilbies skur, jeans navy blue u xagħru mniżżla.

Id-difiża qalet li aktarx ix-xhud bi żvista’ nesa jsemmi dan il-punt fix-xhieda tiegħu. Id-difiża qrat stqarrija ta’ persuna oħra, li xehed li fis-6 ta’ April raw lil Sion Grech il-Marsa. Qalet li dan jindika mix-xhieda ta’ iktar minn persuna waħda, li lkoll raw li Grech kienet għadha ħajja. Ix-xhud qal illi ma jiftakarx jekk kienx involut f’din l-istqarrija u ma jafx biha.

Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija għamlet tfittxija għand Jamal. Ix-xhud ġie mistoqsi x’ġie elevat mid-dar ta’ Jamal. Huwa qal li ma jiftakarx. Qed issir referenza għal dak miktub fl-inkjesta li fiha ngħad li mid-dar ta’ Jamal inġabret sikkina u par żarbun.

Ix-xhud qal ukoll li ma jiftakarx x’tip ta’ sikkina kienet. Id-difiża fakkritu li skont l-inkjesta, is-sikkina nġabret minn fuq is-sink tal-kamra tal-banju. Id-difiża uriet lix-xhud ritratt ta’ din is-sikkina li nġabret mid-dar ta’ Jamal. Ix-xhud qal li matul ix-xhieda tiegħu nesa jsemmi lil persuna oħra. Qal li dan huwa Christian Penza, li kien il-persuna li Grech serqitlu l-mobile waqt li “kienu qed iqattgħu xi ħin flimkien.”

Penza spiċċa ġie fl-idejn ma’ Grech, u fix-xhieda tiegħu qal li waqt li kienu fl-idejn, Grech bdiet tgħajjat xi ismijiet, fosthom ‘Peter’. Huwa ġie mistoqsi jekk dan Peter ġiex investigat. Ix-xhud qal li fit-teħid tal-istqarrija ta’ Christian Penza ma jiftakarx jekk kienx preżenti jew le.

Id-difiża staqsiet ukoll lix-xhud x’irriżultalu meta kienu kellmu lil Jamal, il-persuna li nstabitlu s-sikkina. Qal li rriżultahom li dan kien jagħmel użu mill-karozza misruqa. Id-difiża fakkritu li dakinhar li kien tressaq il-Qorti, Jamal kien ammetta mill-ewwel li kien hu li seraq il-karozza, u li kien hu li jagħmel użu minnha.

Xehed ukoll Martin Bajada li qal li huwa kien involut fit-tniżżil ta’ data minn numru ta’ mobile u minn mobile. Fil-kontro-eżami li sarlu mid-difiża, intqal kif id-data meħuda b’mod eżatt kellha tinkiseb mingħand kumpanija tat-telekomunikazzjoni. Madankollu ma kienx ingħata l-awtorità sabiex jagħmel dan.

Tinqara’ x-xhieda ta’ omm il-vittma

Fl-awla nqrat x-xhieda li tat Anna Grech, omm il-vittma Sion Grech li llum hija mejta. Ix-xhieda kienet ingħatat fil-perjodu li seħħ id-delitt. Hija kienet qalet li dakinhar binha ma ġiex id-dar u għamel ġurnata u nofs ma jċempillhiex.

Kien iċempillha ta’ spiss normalmet u hi u hu “kienu close”. Wara li għaddew ġurnata u nofs ma jċempilx, marret tagħmel rapport l-Għassa tas-Siġġiewi. Qalet li kienet qassmet ritratti tiegħu sabiex tara hemmx xi ħadd li jagħrfu. Ħadd mill-Pulizija ma kellimha li kien instab, u kienet oħtha li ċemplitilha u qaltilha li “lit-tifel sabuh.” 

Qalet; ‘la jiġi aqta’ kemm se ntihż. Oħtha hawn infurmata li kien mejjet. Anna Grech dak iż-żmien qalet li kienet taf li l-akkużat Habesh u binha kienu jagħmluha flimkien. Dejjem flimkien, u kien hemm relazzjoni bejniethom. Saħqet li darba daħħlu lil Habesh id-dar għax kien il-maltemp. Tliet ijiem wara li ġie nieqes binha, Habesh mar ifittxu d-dar u qalilha li ilu ma jarah xi tliet ijiem, u flimkien ma’ missier il-vittma mar jagħmel rapport l-għassa.

Informazzjoni utli lill-Pulizija minn mara fuq il-każ

Xehed ukoll l-Ispettur Chris Pullicino li kien jagħmel parti mis-CID u li llum m’għadux fil-Korp tal-Pulizija. Qal li daħal fil-każ fl-2008 u kien irċieva ittra anonima li kienet tgħid li Jacqueline Rapinett kellha informazzjoni utli li setgħet tgħaddi lill-Pulizija.

Huwa pprova jara min seta’ bagħatha iżda baqa’ ma skopra qatt min kien jew jienet. Ftit wara li rċieva l-ittra, huwa kellem lil Rapinett personalment, u kellimha bl-informazzjoni li kien irċieva. Qaltlu li kienet qed tibża’ titkellem miegħu minħabba l-biża’ li jweġġgħuha. Ix-xhud qal li l-mara biddlet fehemtha u qaltlu li dakinhar fil-lejl tad-delitt qalet li Sion Grech kellha xi tgħid ma’ klijent li wara rriżulta li kien Christian Penza.

Il-vittma qalet li kellha xi tgħid ma’ Penza, u marret taħsel idha f’bar il-Marsa. Wara qagħdu jitlajjaw għax-xogħol. Xehed li Rapinett qaltlu li waranofsinhar ġie Ismael Habesh flimkien ma’ persuna oħra, biex jaraw għandhiex bżonn xi ħaġa. Qalet li dak il-ħin argumentaw fuq xi droga, u Habesh qabad lil Sion minn xagħru u beda jagħtih bis-sieq u tefgħu mal-art. Qalet li l-persuna l-oħra, it-Tuneżin, marret tgħin lil Habesh, u minn hemm ħadu lil Grech fl-għalqa fejn instab.

Għarfet lil Faical Mahouachi

Hija qalet lil Pullicino li waqt li kienu hemm, Habesh beda jagħti lil Sion Grech bil-mus. Dak il-ħin imxiet ftit lura, marret biex ikollha x’taqsam ma’ klijent, u ftit tal-ħin wara marret lura fuq il-post tar-reat. Stqarret li Habesh kien heddida li jekk tiftaħ ħalqha se jagħmillha l-istess kif għamel lil Sion Grech.

Pullicino qal li fis-sena 2009 għamel ‘Identity Parade’ b’Jamal inkluż. Qal li Rapinett m’għarfitux. Tenna li wara irċieva informazzjoni illi kien Mahouachi Faical li assista lil Habesh. Qal illi saret ‘identification parade’ oħra u matulha Rapinett qalet li għarfet lil Faical Mahouachi. Qal li fil-konfront ta’ Ismael Habesh ma kinitx saret Identity Parade għax Rapinett kienet tafu.

Pullicino kompla li Faical kien ċaħad bil-qawwa li kellu x’jaqsam ma’ dan l-omiċidju. Huwa kien qal lill-Pulizija li lil Habesh ġieli rah barra d-Detox fi Gwardamanġa iżda ma kinux ħbieb. Huwa kien qal lill-Pulizija li kien jafu biss minn wiċċu.

L-Avukati mill-AĠ Anthony Vella u Abigail Caruana Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Habesh filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Mohouachi. L-Avukat Roberto Montalto qed jidher bħala parte civile għan-nom tal-vittma.