Mark Anthony Sammut, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li l-Prim Ministru Robert Abela jrid jagħżlu hu lil min jista’ jinvestigah.
Fil-parlament Mark Anthony Sammut qal li anke Joseph Muscat, bid-difetti kollha tiegħu, bil-ħmieġ kollu tiegħu, minkejja li jibqa’ msemmi bħala r-rebbieħ internazzjonali tal-premju tal-korrott tas-sena – fehem li jekk irid jidher li għandu farka kredibbilità meta kien qed jgħid li ddispjaċih għal dak li ġara f’pajjiżna u jidher li jrid jgħolli l-istandards fil-politika – kellu jasal għal kompromess li din il-kariga tkun kariga li min jokkupaha jkollha l-kunsens ta’ kulħadd. Ankè l-akbar korrott fid-dinja fehmha din u mexa magħha, sostna Mark Anthony Sammut.
Id-deputat Nazzjonalista qal li Robert Abela hu l-ewwel Prim Ministru fl-istorja ta’ Malta mill-indipendenza l’ hawn, li flok ħa jżid kariga li tinħatar biż-żewġ terzi, ħa jnaqqas u li sab kariga li tinħatar biż-żewġ terzi u ħa jibdilha biex tinħatar b’għażla tiegħu biss.Robert Abela li llum qed juri li huwa saħansitra agħar minn Joseph Muscat. Robert Abela qed juri li mhux talli ma tgħallem xejn minn dak li ġara – talli ħa jeħodna lura flok il quddiem.
Robert Abela jrid jagħżel hu fuq min se jkun qed jinvestiga lilu wkoll! Ir-raġuni li għaliha l-Gvern Laburista ma kienx komdu jħalli lil Joseph Azzopardi Prim Imħallef, hija l-istess raġuni għala Robert Abela jridu akkost ta’ kollox Kumissarju għall-Istandards, sostna Mark Anthony Sammut.
Hu qal li Joseph Azzopardi jaf li l-Oppożizzjoni m’għandhiex fiduċja fih f’din il-kariga. Mhux talli ma ddikjarax li la m’hemmx il-fiduċja tal-Oppożizzjoni hu mhux ser jaċċetta n-nomina, talli f’artiklu li fih iwieġeb lil The Shift News li “he’s not bothered” li m’hemmx kunsens fuq il-ħatra tiegħu, li saħansitra jqabbilha ma’ każi fil-passat fejn ma kienx hawn kunsens fuq il-kariga tal-President. Dan ikompli tikkonfermali kemm mhuwiex idoneu għall-kariga, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Dwar il-proposta tal-PN fil-programm elettorali, id-deputat Nazzjonalista qal li din il-proposta ma kinetx titkellem fuq karigi li jirrapportaw lill-parlament, bħal tal-Kummissarju għall-Istandards, l-Awditur Ġenerali jew l-Ombudsman. Dawn kollha karigi li jaħtarhom il-Prim Ministru.
Il-proposta tal-PN, sostna Mark Anthony Sammut, kienet li karigi f’uffiċċji għolja li s’issa jinħatru mill-Prim Ministru waħdu, jibdew jinħatru b’żewġ terzi jew jekk ma jkun hemm qbil imbagħad jinħatru b’maġġoranza sempliċi mill-parlament.
Imma biss dawk il-karigi li meta ħareġ id-dokument tmien snin ilu, kienu jingħażlu minn persuna waħda, jimxu għal aktar skrutinju, mhux karigi li ġa hemm qbil li jinħatru b’żewġ terzi jmorru lura għal maġġoranza sempliċi.
Mark Anthony Sammut qal lil-proposta tal-PN kienet pass ‘il quddiem għal aktar skrutinju u kunsens fuq karigi li s’issa jinħatru mill-Prim Ministru, mhux pass lura għal inqas kunsens fuq karigi li diġa hemm qbil li jinħatru b’żewġ terzi mill-Parlament.
Dan hu l-qerq u f’dan il-qerq jinkixfu l-intenzjonijiet ħżiena ta’ dan l-abbozz. Kellkom bżonn flejtuh u bdejtu timplimentawhom fl-2015 dawk il-proposti f’dan id-dokument, kellkom bżonn. Kieku wisq probabli la nqatlet Daphne Caruana Galizia, la ġejna greylisted u lanqas farraktu r-reputazzjoni ta’ pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Mark Anthony Sammut qal li l-Prim Ministru qed iqarraq u qed jigdeb għax ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja ma kienetx din li qed iressaq hawn il-gvern, lanqas għal dawk il-każijiet.
Hu qal li l-anti-deadlock mechanism li qed jipproponi l-gvern mhux il-Kummissjoni Venezja ħarġet bih iżda l-gvern, kif ikkonferma l-prim ministru. Il-Kummissjoni Venezja wkoll qalet lill-gvern li la dik hi kariga ta’ entità indipendenti u awtonoma, jkun aħjar li jekk ma jasalx il-parlament biż-żewġ terzi, l-anti-deadlock jgħaddi għand entità newtrali. Fil-każ tal-Prim Imħallef issuġġerew li jkunu l-imħallfin infushom li jgħażlu u mhux maġġoranza sempliċi.
Il-Gvern ilu ġimgħat sħaħ jgħid li dan l-anti-deadlock mechanism kien propost mill-Partit Nazzjonalista u mill-Kummissjoni Venezja – u fit-tnejn qed jigdebu jqarraq. Għal kariga indipendenti u awtonoma bħal din, dan il-mekkaniżmu la kien propost mill-PN u lanqas mill-Kummissjoni Venezja.
Hu semma’ wkoll rakkomandazzjonijiet f’dan is-sens li l-Att dwar l-Istandards u l-ħatra tal-Kummissarju, jidħlu fil-kostituzzjoni.
“Dak li missna qed niddiskutu, li ndaħħluh fil-kostituzzjoni, mhux li nagħmlu pass lura u nġibuh maġġoranza sempliċi”, sostna d-deputat Nazzjonalista. F’dak il-każ, il-liġi tgħid li jinħatar kummissarju temporanju mill-President ta Malta.
Rakkomandazzjoni oħra hi li l-ħatra ta’ kummissarju temporanju tidħol bħala waħda mill-eċċezzjonijiet fejn il-President ma jaġixxix fuq il-parir tal-kabinett, imma jaġixxi fuq għażla u bl-awtorita tiegħu, speċjalment issa li l-President ħa jibda jiġi magħżul b’żewġ terzi tal-Kamra.
Mark Anthony Sammut qal li l-OECD qed tirrakomanda li lanqas għal każ temporanju ma tagħmel sens li l-ħatra ssir mill-Prim Ministru waħdu, aħseb u ara kemm issir minnu l-ħatra permanenti kif qed jipproponi dan l-abbozz illum.
Il-persuna għandha l-fiduċja ta’ kulħadd u mhux qed jagħżilha l-Prim Ministru, sostna d-deputat Nazzjonalista. “Dak hu li juri dan l-abbozz fuq Robert Abela; agħar minn Joseph Muscat, arroganti, indiċenti, u beżżiegħ”, sostna d-deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>