Lokali Parlament

“Robert Abela jrid jaħtaf taħt idejh l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika” – PN

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela kompla bl-imġieba dittatorjali tiegħu u kkonferma li jrid jaħtaf taħt idejh l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Robert Abela jinteressah biss li jdgħajjef l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika billi jpoġġi fil-kariga lil min irid hu.

Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut u l-Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura Ryan Callus, fejn kien spjegat li hu ċar li Robert Abela għamel deal mal-persuna li jrid akkost ta’ kollox ipoġġiha Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, minkejja li jaf li mhix l-aktar persuna idonea għal din il-kariga.

Minflok isaħħaħ din l-għodda importanti għad-demokrazija f’pajjiżna, Robert Abela qed jaħtaf istituzzjoni oħra taħt idejh biex, bl-għażla tal-persuna, idgħajjifha u jġibha ma tiswa xejn.

Il-kelliema nnotaw kif ilbieraħ, il-Prim Ministru gideb meta qal li l-Abbozz ta’ Liġi li ppreżenta kkopjah mill-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Għax il-Partit Nazzjonalista qatt ma qal jew ippropona li l-anti-deadlock mechanism ta’ vot b’maġġoranza sempliċi għandu jkun jgħodd għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tal-2017 imkien ma semma’ l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku, iżda jirreferi għall-karigi għoljin fl-Istat li huma maħturin mill-Gvern, bħall-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap taċ-Ċivil u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Meta kien ippubblikat il-Programm Elettorali għall-elezzjoni tal-2017, il-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kienet diġà teżisti tant li l-Liġi kienet ġiet approvata b’mod unanimu mill-Parlament ftit tal-ġimgħat qabel, fit-22 ta’ Marzu 2017. Iż-żewġ naħat tal-Kamra – il-Gvern u l-Oppożizzjoni – kienu qablu li l-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandha ssir bil-vot taż-żewġ terzi tal-membri tal-Kamra u mhux b’maġġoranza sempliċi.

Dan il-qbil kien sar għax il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku qatt ma jista’ jkun xi ħadd maħtur mill-Gvern waħdu, iżda jrid jinħatar bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. B’hekk tkun garantita l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ min jokkupa din il-kariga. Il-Partit Nazzjonalista dejjem insista li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jkun maħtur bil-vot taż-żewġ terzi tal-membri tal-Kamra u mhux b’maġġoranza sempliċi.

Il-kelliema komplew li, bl-istess mod, il-Prim Ministru gideb dwar dak li qalet il-Kummissjoni Venezija dwar l-anti-deadlock mechanism. Kuntrarju għal dak li qal Robert Abela, il-Kummissjoni Venezja qalet li jekk għandu jkun hemm anti-deadlock mechanism fil-każ tal-ħatra tal-Prim Imħallef, m’għandux ikun li dan ikun jista’ jinħatar b’maġġoranza sempliċi tal-Parlament, iżda minn entità li tkun newtrali. F’dan il-każ il-Kummissjoni Venezja ssuġġeriet li l-ħatra ssir b’elezzjoni minn fost l-Imħallfin.

Għalhekk, mhux minnu li l-Abbozz ta’ Liġi li ressaq Robert Abela hu skont dak li qalet il-Kummissjoni Venezja. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Robert Abela għandu jirtira dan l-Abbozz ta’ Liġi li ressaq u minflok, jersaq ‘il quddiem biex bi djalgu mal-Kap tal-Oppożizzjoni, jintlaħaq qbil dwar l-isem ta’ persuna li jkollha l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra.