Lokali

Tal-Labour ikomplu jaħbu mill-poplu Malti u Għawdxi dwar l-emenda tal-abort

Ministru wara l-ieħor, jibqgħu jżommu kollox mistur mill-poplu Malti u Għawdxi.

Din id-darba kien imiss lill-Ministru Clifton Grima illi żamm fommu sieket dwar is-suppost bidliet illi Chris Fearne qed jgħid li se jsiru fl-emenda tal-Abort. Bil-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid biss li kien hemm diskussjonijiet dwar din l-emenda…għalkemm numru ta’ għaqdiet u esperti mediċi qed jgħidu li huma qatt ma ġew avviċinati għal konsultazzjoni dwar din il-kwistjoni.

Dejjem skont il-Gvern, din l-emenda qed issir “għall-ġid tan-nies”… bl-Oppożizzjoni, minkejja diversi talbiet li saru, għadha sal-lum ma ingħatatx kopja tal-bidliet li semma’ Chris Fearne il-ġimgħa li għaddiet.

Clifton Grima minn naħa tiegħu irrefera għall-fatt li fil-Parlament, issa, se tkompli d-diskussjoni fi stadju ta’ Kumitat. Għalkemm lanqas dwar dan m’hemm ċertezza, għaliex il-Gvern għadu ma tax data dwar meta se jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari.

Fl-aħħar jiem spikka is-skiet totali min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela… b’rapporti jgħidu li l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista tal-ġimgħa li għaddiet kienet waħda imqanqla ħafna. U numru ta’ deputati ma qablux mal-mod kif saru l-affarijiet ridward din il-liġi tal-abort.