Lokali Mużika

“A Night with Beatles, Queen and the Legends of Rock” spettaklu LIVE fl-Istitut Kattoliku

KitzKlikz.com

Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-Pandemija COVID-19, Spiteri Lucas Entertainment se tkun qed tagħmel ir-ritorn tagħha bl-ispettaklu “A Night with Beatles, Queen and the Legends of Rock”, spettaklu mużikali li ser jittella’ is-Sibt 28 ta’ Jannar fis-7:30 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 29 ta’ Jannar 2023 fis-6:00 ta’ filgħaxija fit-Teatru tal-Istitut Kattoliku l-Furjana.

A Night with Beatles, Queen and the Legends of Rock huwa spettaklu għall-familja kollha mżewwaq b’kant, mużika, kostumi, korjografija u diversi effetti viżwali, li żgur se joffri attrazzjoni differenti lil kull min ħa jattendi għalih.

Fl-ewwel parti se jiġu interpretati bosta suċċessi mużikali tal-grupp leġġendarju Beatles. Biżżejjed insemmu siltiet bħal ‘Can’t Buy Me Love’, ‘I Want to Hold Your Hand’, ‘Let it Be’, ‘She Loves You’, ‘Hey Jude’, ‘Ticket to Ride’, ‘Michelle’, ‘Yellow Submarine’, ‘Obladi Oblada’ u oħrajn.

Fit-tieni parti mbagħad il-kantanti ser jinterpretaw għażla ta’ siltiet minn uħud fost l-aktar kanzunetti popolari tal-grupp mitiku Queen fosthom ‘Show Must Go On’, ‘Crazy Little Thing Called Love’, ‘Don’t Stop Me Now’, ‘Who Wants to Live Forever’, ‘A Kind of Magic’, ‘I Want to Break Free’, ‘Somebody to Love’, ‘Radio Ga Ga’, ‘I Want to Break Free’ u l-klassika ‘Bohemian Rhapsody’.

Kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni parti se jkunu mżewqin b’suċċessi kbar li sawru l-Istorja tal-mużika rock popolari minn gruppi bħal Pink Floyd, KISS, Eagles, CCR, Rolling Stones, Aeorsmith, Bon Jovi, Kings of Leon, Guns ‘n’ Roses, Coldplay u diversi artisti oħrajn.

Fost il-protagonisti li se jieħdu sehem f’dan l-ispettaklu nsibu lil Drakard, Ozzy Lino, Ludwig Galea, Michela Galea, Laura Bruno, Neville Refalo, Ivan u Krista Spiteri Lucas, Marie Claire Attard Bason, Rachel Grech, Bianca Vella u Josef Tabone li għandu f’idejh id-direzzjoni ta’ kor magħmul minn diversi tfal u adolexxenti li se jkunu qed jakkumpanjaw f’uħud mis-siltiet li se jiġu interpretati waqt dan l-ispettaklu. L-arranġamenti mużikali u d-direzzjoni mużikali huma f’idejn il-mużiċst Mark Spiteri Lucas, filwaqt li l-korjografija ġiet fdata f’idejn Celaine Buhagiar u ż-żeffiena minn Dancel Dance Studio. Id-direzzjoni artistika ġiet fdata f’idejn Ludwig Galea.

KitzKlikz.com

Il-booking għal A Night with Beatles, Queen and the Legends of Rock jinsab miftuħ u l-biljetti jistgħu jinxtraw online minn www.bookingoffice.com.mt jew billi wieħed iċempel fuq 9989 6638 jew 9946 8429. Jistgħu jinxtraw ukoll mill-booking office tal-Isitut Kattoliku jew mill-bar tal-Istitut.