Knisja Lokali

Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara 2023

Mill-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2023, l‑Insara kollha madwar id‑dinja se jiċċelebraw il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara li se tintemm l-Erbgħa 25 ta’ Jannar. 

Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku biex isseħħ l-għaqda fost l-Insara. It‑tema ta’ din is‑sena hi meħuda mill-ktieb tal-Profeta Iżaija: “Agħmlu t-tajjeb; fittxu s-sewwa” (1:17). Din is‑sena, it‑tema u l‑materjal ta’ talb tħejja mill-Kunsill tal-Knejjes fl-istat ta’ Minnesota, fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Matul din il‑ġimgħa, se jsir Servizz Ekumeniku Djoċesan nhar il‑Ġimgħa, 20 ta’ Jannar, fis‑6:30pm, fil-Knisja ta’ San Nikola tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.

L-Arċisqof Charles Scicluna u mexxejja ta’ Knejjes oħra f’Malta se jkunu qed jieħdu sehem, filwaqt li r‑riflessjoni biblika se ssir minn Pastor Klaus-Peter Edinger mill-Knisja Evanġelika Luterana lokali.