L-awtoritajiet ġudizzjarji fil-Brażil ħarġu direttivi għall-arrest ta’ uffiċjali pubbliċi ewlenin b’konsegwenza tal-assedju, jiem ilu, minn dimostranti vjolenti fuq il-bini tal-Gvern fi Brasilia. Intant laħqu kienu arrestati diġà numru ta’ uffiċjali, inkluż eks-kmandant tal-pulizija militari Brażiljana.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Brażil qal li hemm ukoll mandat ta’ arrest għall-eks Uffiċjal Brażiljan responsabbli mis-Sigurtà Pubblika, Anderson Torres – l-istess bħal uffiċjali oħra ‘responsabbli għal nuqqasijiet u azzjonijiet kontra l-interessi tal-Istat u li rriżultaw fl-irvellijiet ta’ jiem ilu ( fi Brasilia).’
Torres qed jiċħad għal xi sehem f’dawk l-irvellijiet li seħħew ġimgħa wara li Luiz Inacio Lula da Silva ħa l-ġurament ta’ President tal-Brażil bħala s-suċċessur tal-eks President radikali tal-lemin, Jair Bolsonaro. Intant, il-Kmandant tal-Pulizija, il-Kurunell Fabio Augosto, tkeċċa mill-kariga wara li s-sostenituri ta’ Bolsonaro attakkaw il-bini tal-Kungress, il-Palazz Presidenzjali u l-bini tal-Qorti Suprema.
L-eluf tad-dimostranti li ħadu sehem fl-assedju kienu għelbu lill-kontinġenti tal-pulizija qabel ikkaġunaw ħerba fis-sede tal-Amministrazzjoni Brażiljana. L-arresti, minn dakinar, qed jammontaw għal aktar minn 1,500 u meta l-pulizija għad iridu jressqu l-akkużi formali fil-konfront ta’ mijiet ta’ dimostranti.
//= $special ?>

