Lokali

Il-Ministru jibqa’ ma jippubblikax il-kuntratt ta’ €11,000 fix-xahar lill-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA – PN

Għat-tielet darba, il-Partit Nazzjonalista reġa’ staqsa għaliex l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), Joseph Gavin, għadu qed jitħallas eluf ta’ ewro fix-xahar minn flus il-poplu. Barra minnhekk, f’isem il-poplu u f’ġieħ it-trasparenza, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana biex jippubblika l-kuntratt tal-eks Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

Madankollu, il-Ministru tal-Finanzi baqa’ jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt ta’ madwar €65,000 biex l-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA sempliċiment jagħti “handover”, kif ikkonferma l-Ministru tal-Finanzi, li spjega li s-Sur Gavin ġie ingaġġat biex jagħti handover għall-perjodu bejn Settembru 2022 sa Marzu 2023.

The Shift News kienet irrapportat kif Joseph Gavin, li r-riżenja tiegħu minn Kap Eżekuttiv tal-MFSA tħabbret matul is-sajf li għadda, baqa’ jirvċievi madwar €11,000 fix-xahar minn flus il-poplu u sa Marzu 2023, hu se jkun qed jingħata madwar €65,000 għas-suppost handover.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Ministru Caruana ma jistħix jibgħatek bil-flixkun tal-plastik in-naħa l-oħra tal-lokalità għal 10 ċenteżmi, li inti diġà ħallast, imma imbagħad iberbaq flusek għall-magħżul tiegħu, li għalih hemm xi jroxx.

Għalik hemm l-issikkar taċ-ċinturin. Iżda t-trasparenza titlob li flus il-poplu jintużaw kif inhu xieraq u bi trasparenza assoluta minflok fil-ħela u l-ħabi