Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jrid jieħu f’idejh l-għażla tal-Kummissarju tal-Istandards

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-parlament li l-Prim Ministru jrid jieħu l-poter dwar l-għażla tal-Kummissarju tal-Istandards minn idejn il-Parlament u jieħdu f’idejh.

Ryan Callus qal li l-liġi preżenti teżiġi li l-Kummissarju tal-Istandards ikun magħżul b’żewġ terzi tal-Kamra. Il-Prim Ministru issa dehrlu li jbiddel ir-regoli tal-logħba. Din mhijiex l-ewwel darba li qegħdin nagħżlu Kummissarju għall-Istandards.

Kien hemm qbil unanimu li George Hyzler kellu jkun l-ewwel Kummissarju għall-Istandards. Issa li George Hyzler kien nominat mill-Gvern stess għal kariga oħra, il-Prim Ministru nħolqitlu opportunità biex ipoġġi l-persuna li jixtieq hu f’din il-kariga.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tkellmet dwar il-bżonn ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubbliku, speċjalment fi żmien meta l-abbużi minn politiċi fil-Gvern kienu laħqu livell bla preċedent. L-abbużi kienu saru l-ordni tal-ġurnata.

Hu sostna li tidher assurda, kważi dittatorjali, li l-Prim Ministru jessaq bi proposta ta’ liġi biex lil persuna li se jkollha l-poteri li tinvestigah, minflok nagħżluh lkoll hawn ġew b’unanimità, il-Prim Ministru irid li jagħżlu hu stess.

Il-Prim Ministru tilef kull sens ta’ maturità politika, kull sens ta’ bilanċ li għandu jeżisti bejn il-Gvern u l-istituzzjonijiet. Il-Prim Ministru mhux kapaci jkun prim ministru ta’ nazzjon, iżda prim ministru partiġġjan.

X’patt għamel il-Prim Ministru mal-persuna li akkost ta’ kollox iridu jsir il-Kummissarju ghall-Istandards? X’inhi r-raġuni vera għaliex il-Prim Ministru mhux lest jikkunsidra persuna oħra għall-Kummissrju tal-Istandards? Possibli għall-Prim Ministru din il-persuna biss hija aċċettabli biex tkun Kummissarju tal-Istandards? Possibbli l-Prim Ministru huwa daqshekk spoil sport li jekk ma taddix tiegħu jħassar?

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-Oppożizzjoni lesta li jkollha Kummissarju tal-Istandards li ġej mill-kamp politiku oppost Fil-ġranet li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq ghall-kunsiderazzjoni tal-Prim Ministru tliet ismijiet: persuna li hija eks membru tal-ġudikatura, persuna oħra li għandha esperjenza fl-istrateġija u immaniġġjar u li okkupat diversi karigi pubbliċi u persuna li kienet eks Speaker tal-parlament, propjament l-ewwel mara li okkupat il-kariga ta’ Speaker fil-Parlament u li kienet ukoll President ta’ sezzjoni tal-Partit Laburista. It-tlieta li huma huma persuna ta’ integrità b’backgrounds u kapaċitajiet differenti.

Illi l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq isem ta’ persuna li ghandha esperjenza politika u li ġejja mill-Kap Laburista turi kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kapaċi tkun politikament matura fl-atteġġjament tagħha. Għall-Oppożizzjoni ma jimpurtax x’ikun it-twemmin politiku tiegħek, li jimpurtana hu l-kapaċità tiegħek li taqdi d-doveri ta’ Kummissarju tal-Istandards mingħajr biża’ jew favur, mingħajr favoritiżmu lejn xi politiku jew partit politiku. Li jimporta fil-persuna li nixtiequ taqdi fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards hu persuna li ma joqgħodx ikaxkar saqajh biex jieħu l-inizjattivi fejn ikun xieraq li jibda investigazzjoni; Kummissarju tal-Istandards li huwa bieżel u li ma jkaxkarx saqajh biex jaqdi dmirijietu.

Għalhekk, sostna Ryan Callus, li l-Kap tal-Oppożizzjoni ppropona persuna li ġej mill-kamp Laburista, għaliex aħna bil-fatti mhux bil-paroli, bħall-Prim Ministru – jgħid li jixtieq istituzzjonijiet li jaħdmu, però fil-verità jrid istituzzjonijiet li jaħdmu favurih biss. Mhux istituzzjonijiet li jaħdmu jrid il-Prim Ministru imma istituzzjonijiet li jaħdmu favurih.

Anke quddiem nomina mill-Oppożizzjoni ta’ persuna li ġejja mill-kamp Laburista, il-Prim Ministru rrifjuta. Għaliex għall-Prim Ministru li jinteressah huwa biss li jkollu kummissarju pupazz; kummissarju li jagħmel dak li jgħidulu…. kummissarju li jbaxxi rasu għalih u li jkaxkar saqajh.

Il-Kummissarju tal-Istandards se jkun relegat għal person of trust għax hekk ikun minn ikun magħżul biss min-naħa tal-Gvern – persuna tal-fiduċja tiegħu li tirrispondi lilu biss. Ryan Callus sostna li l-Kumitat għall-Istandards kemm-il darba rapporti tal-Kummissarju Hyzler li ma jkunux implimentati.

Rapport dwar abbuż ta’ fondi pubbliċi li ntefqu fuq ġurnal tal-Partit Laburista minn ministru tal-Gvern qabel l-elezzjoni ġenerali għadu mhux approvat xhur wara li tlesta. Dan ġara meta kien hemm Kummissarju tal-Istandards li qeda d-dmirijiet tiegħu ġeneralment b’mod effettiv. X’se jiġri issa jekk ikun hemm Kummissarju li jkun pupazz tal-Prim Ministru?

Malta għandha bżonn Kummissarju tal-Istandards li huwa effettiv mhux ikaxkar saqajh, ma jħares lejn wiċċ ħadd, ma jibża’ minn ħadd, mhu servili lejn ħadd u jaqdi dmiru b’mod sħiħ biex id-demokrazija tissaħħaħ. Biex dan isir, il-Kummissarju għall-Istandards għandu jkun magħżul miż-żewg naħat.

“Il-Prim Ministru għandu jerġa’ jiddiskuti mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Ejja nwarrbu s-suppervja, ejja nuru maturità politika kif konna wrejna f’dawn l-aħħar snin. Ejja nsibu persuna li tgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-kamra ħalli jkollha l-komfort li taħdem f’uffiċċju bis-saħħa kollha li teħtieġ”, sostna d-deputat Nazzjonalista.