Internazzjonali

L-Istati Uniti: Jirritornaw għan-normal it-titjiriet affettwati minn problema fis-sistema…L-ebda sinjali ta’ attakk ċiberbetiku

It-titjiriet domestiċi kollha fl-Istati Uniti baqgħu weqfin għal diversi sigħat minħabba problema teknika fis-sistema għall-kontroll ta’ dawn it-titjiriet. Intant — u waqt li s-sitwazzjoni qed tirritorna għan-normal — l-Amministrazzjoni Federali għall-Avvjazzjoni qed tgħid li l-problema affettwat lis-sistemi li jiġbdu l-attenzjoni tal-piloti għal xi periklu potenzjali waqt it-titjiriet.

Filwaqt li s-sitwazzjoni ħolqot inkonvenjent kbir għal eluf kbar ta’ passiġġiera u l-istaff tal-linji tal-ajru, kelliema għall- Amministrazzjoni Federali għall-Avvjazzjoni tal-Istati Uniti issa qed jgħidu li numru ta’ funzjonijiet fis-sistema rritornaw ‘online’ anki jekk baqgħu deħlin id-diversi rapporti dwar ‘id-delays’ fl-ajruporti.

Il-President Amerikan Joe Biden, aktar qabel, kien aġġornat dwar is-sitwazzjoni, bis-sorsi f’Washington isostnu li ma kienx hemm sinjali li s-sistema inkwistjoni setgħet sfat mira ta’ attakk ċibernetiku – anki jekk sa dak il-punt huma ma kienu qed jeskludu xejn.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju Stampa tal-White House sejjaħ għal investigazzjoni sħiħa u immedjata fil-kawża tal-hekk-imsejjaħ ‘outage’ li affettwa fost oħrajn lill-iskedi tal-linji American Airlines, Delta, Virgin, United Airlines u British Airways.