Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li l-qawwiet tiegħu għadhom involuti f’battalja kira għall-belt ta’ Soledar, fil-lvant tal-Ukrajna, u wara li l-Kap tal-grupp Wagner — magħmul minn merċenarji li qed jiġġieldu għan-nom ta’ Moska — ftaħar li l-ġellieda tiegħu rnexxielhom jiksbu suċċess militari kbir fl-inħawi mingħajr is-sehem tal-Armata Russa regolari.
Il-Kap inkwistjoni, Yevgeny Prigozhin, ilu s-snin imexxi lill-merċenarji meqjusa bħala l-‘Armata sigrieta’ tal-President Russu Vladimir Putin u li fil-passat wettqu r-reati kontra l-umanità waqt azzjonijiet u kampanji f’pajjiżi bħal-Libja u r-Repubblika Afrikana Ċentrali.
U għalkemm ħafna rapporti konfliġġenti qed jixħtu dubju dwar il-kummenti ta’ Prigozhin, mistenni li l-Kap tal-merċenarji se juża kull skuża biex ikabbar ir-reputazzjoni tal-grupp Wagner bħala ‘qawwa elitista’ f’għajnejn Putin.
Iżda l-Ministeru tad-Difiża Russu jidher li qed jikkontradixxi lil Prigozhin, fost stqarrijiet li l-ġlied f’Soledar għadu għaddej. Il-kelliema qalu li Soledar għadha taħt assedju minn battaljuni tal-paratruppi Russi fost oħrajn, u bil-qawwiet tal-ajru ta’ Putin qed jibbumbardjaw il-pożizzjonijiet tas-suldati Ukreni.
Il-Ministeru tad-Difiża Ukren ukoll irrefera għall-battalji ħorox li għaddejjin f’Soledar u fost kummenti li l-qawwiet tal-Wagner ma rnexxilhomx jippenetraw ‘id-difiżi sodi ta’ madwar il-belt’.
F’każ li Soledar taqa’ f’idejn ir-Russi, l-iżvilupp għandu jservi bħala suċċess personali għal Yevgeny Prigozhin minn aspett ta’ propaganda. Dan wara li hu insista li ‘ħadd ħlief il-merċenarji tiegħu ma ħadu sehem fl-assedju fuq il-belt’.
L-analisti ilhom jindikaw tensjoni kbira bejn l-Armata regolari tar-Russja u l-merċenarji tal-Wagner – li l-Ukreni jirreferu għalihom bħala ‘simili għall-membri brutali tal-SS tal-Ġermanja Nażista li kienu wettqu sensiela ta’ atroċitajiet matul it-Tieni Gwerra Dinjija’. Dan ukoll meta Prigozhin ikkritika pubblikament lill-Ġenerali tal-Armata Russa li akkużahom b’li ma għandhomx idea kif jikkonfrontaw ir-realtà tal-gwerra fl-Ukrajna.
Għalkemm pjuttost diffiċli biex wieħed jevalwa eżatt il-livell tal-battibekki u d-diżgwid bejn it-taqsimiet rivali mal-qawwiet Russi, il-media u ħafna mill-uffiċjali f’Moska, għalissa, qegħdin ifaħħru lil Prigozhin u lill-Wagner ‘dwar il-progress ċar fil-kampanja militari ta’ Soledar’.
//= $special ?>

