Lokali

Minflok jirringrazzja lil min imur barra minn triqtu fil-ġbir tal-iskart, il-Gvern jheddu b’azzjoni – PN

Malta kollha għaddiet minn tibdil fl-iskeda tal-ġbir u bħal kull bidla, magħha jiġu numru ta’ nuqqasijiet fis-servizz tal-ġbir tal-iskart.

Wara li mit-2 ta’ Jannar 2023, ir-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart ittieħdet mill-Gvernijiet Lokali u għaddiet għand il-Kumitati Reġjonali, illum ħarġet direttiva oħra mill-Gvern, li toħnoq id-dritt tal-Gvernijiet Lokali li jintervjenu f’kull ċirkostanza, anke fejn hemm nuqqasijiet jew problemi fil-ġbir ta’ skart.

Dan intqal fi stqarrija tal-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott kif ukoll il-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.

Minħabba din il-bidla fis-sistema u anke f’xi każi fil-kuntratturi li qed jipprovdi s-servizz, hu ta’ natura normali li jkun hemm diffikultajiet jew nuqqasijiet fil-ġbir fil-bidu. Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu rrimedjati mal-ewwel.

Anke minn angolu retrospettiv, u wara l-ewwel ġimgħa li saret din il-bidla fis-servizz, il-Partit Nazzjonalista jinnota li wieħed mill-fatturi deċiżivi li qed iwassal għall-problemi fis-servizz tal-ġbir tal-iskart hu n-nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva mal-pubbliku minn qabel saret din il-bidla radikali, li sal-lum għadha tħalli konfużjoni. Għalhekk, qed issir insistenza biex tkompli ssir kampanja ta’ għarfien aħjar dwar dan mill-Gvern Ċentrali, mill-Kumitati Reġjuni u mill-Gvernijiet Lokali.

Minħabba dawn in-nuqqasijiet, li qed ibatu għalihom ir-residenti u l-komunità kummerċjali fiz-zoni rispettivi, il-Partit Nazzjonalista jinnota u jirringrazzja lil uħud mill-Gvernijiet Lokali li marru oltre minn dmirijiethom u ħadu l-inizjattiva biex, minn jeddhom, jinkarigaw u jħallsu kuntratturi privati biex l-iskart jinġabar immedjatament u ma jibqax barra sakemm jerġa’ jmissu jinġabar skont l-iskeda.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna d-direttiva li ħareġ id-Dipartiment tal-Gvernijiet Lokali lill-Gvernijiet Lokali, fejn ta struzzjoni ċara li l-Gvernijiet Lokali ma jistgħu jieħu l-ebda inizjattiva relatata ma’ dan il-qasam, inklużi servizzi addizzjonali jew servizzi barra mill-iskeda nazzjonali. Anzi, jhedded li jekk xi Gvern Lokali jonfoq xi flus f’dawn l-inizjattivi ta’ ġbir ta’ skart, dawn il-flus jitqiesu bħala nfieq bi ksur tal-liġi u jittieħdu passi kontrihom. Dan ifisser li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid li, jekk ikun hemm problemi f’xi belt jew raħal, jew saħansitra f’xi zona jew triq partikolari, il-Gvern Lokali qed ikun eskluż milli jintervjeni jew jieħu azzjoni biex jinġabar l-iskart. Minflok, jekk jagħmel hekk, jittieħdu passi kontra dak il-Gvern Lokali.

Din hi azzjoni oħra mill-Gvern Laburista li qed ipoġġi sarima ma’ ħalq il-Gvernijiet Lokali li qed jieħdu azzjoni biex jikorreġu fejn għaġġel u naqas hu.

Minbarra li din id-deċiżjoni hi redikola abbażi politika, il-Partit Nazzjonalista jħoss li din id-direzzjoni mill-Gvern tmur kontra dak li titlob l-Liġi, fejn l-Att dwar il-Gvernijiet Lokali jistipula biċ-ċar f’Artikolu 33 (1) (b) li waħda mill-funzjonijiet tal-Gvernijiet Lokali hi li tipprovdi għal “ġbir u tneħħija ta’ kull skart” kif ukoll għaż-“żamma tal-indafa”.

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li kif diġà saħaq fil-passat jemmen fil-prinċipji tas-sussidjarjetà u tad-diċentralizzazzjoni, kif ukoll li l-funzjoni tal-ġbir tal-iskart għandha tibqa’ kemm fil-Liġi u kemm fil-prattika tal-Gvernijiet Lokali għax huma jafu x’inhu l-aħjar għal-lokalità, jinsab kommess li jagħti l-benefiċċju tad-dubju għal din il-bidla.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jisħaq għal aktar sforzi biex il-Gvern jipprovdi soluzzjonijiet u mhux theddid biex l-iskart jinġabar bl-aktar mod effiċjenti u li ma jfixkilx il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti u tal-komunità kummerċjali.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jirreferi wkoll għad-dokument bil-proposti dwar ir-Riforma fil-Gvernijiet Lokali li ppubblika x-xahar li għadda, bl-isem “Gvern Lokali ta’ Vera”.