Futbol Sport

President interim għall-FA Franċiza

Stqarrija maħruġa mill-FA Franċiza tal-futbol, kmieni llum wara nofs in-nhar, qalet li l-President tal-assoċjazzjoni, Noel Le Graet se jkun qed jieħu pass lura mir-rwol u r-responsabiltajiet tiegħu.

Fin-nuqqas tiegħu, se jkun il-Viċi President tal-FA Franċiza, Phillip Diallo li se jieħu f’idejħ it-tmexxija interim tal-assoċjazzjoni li tmexxi l-futbol fi Franza.

Dan kien deċiz wara li llum, f’Pariġi, inżammet laqgħa b’urġenza tal-eżekuttiv tal-FA Franċiz, sakemm jitlesta l-proċess kollu ta’ awditjar li qed isir mill-Ministeru tal-Isport Franċiz.

Fil-jiem li għaddew Le Graet reġa’ spiċċa fl-aħbarijiet minħabba kontroversja oħra, din id-darba relatata ma kummenti dispreġattivi li hu għadda fil-konfront tal-eks plejer internazzjonali Franċiz, Zinedine Zidane u li għalihom spiċċa jagħti appoloġija pubblika wara li kien hemm kritika ħarxa fil-konfront tiegħu, saħansitra mill-Ministru għall-Isport fil-pajjiż.