Lokali

Segretezza mil-Labour dwar is-suppost “bidliet” fl-emenda

Ġurnata wara l-oħra, il-Partit Laburista qed ikompli jaħbi l-informazzjoni dwar l-emenda li se twassal għad-dħul tal-abort f’pajjiżna.

L-Erbgha filghodu, Net News saqsa lill-Ministru Michael Falzon kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett dwar meta se jibda jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari li se jiddiskuti l-liġi tal-abort. Barra minn hekk, staqsejna wkoll x’inhuma dawn il-bidliet hekk kif sa issa ħadd ma jaf x’qed jiġi propost.

Iżda, kemm Falzon kif ukoll Bonett iddeċidew li ma jweġbux dawn id-domandi diretti. U żammew segretezza assoluta dwar il-kontenut ta’ dawn is-suppost bidliet illi għamel referenza għalihom Chris Fearne il-ġimgħa li għaddiet.

Chris Bonett minn naħa tiegħu lanqas biss ried jgħid jekk hux komdu b’dawn il-bidliet li ġew preżentati biss lill-Grupp Parlamentari Laburista. Filwaqt li tal-Labour qed jibqgħu jgħidu li din mhix liġi tal-abort.

Barra minn hekk kellna, risposta fotokopja, mill-Ministru Michael Falzon.

S’issa, dawn il-bidliet għadhom ma waslux għand il-Partit Nazzjonalista u ħadd għadu ma jaf meta se tkompli d-diskussjoni fi stadju ta’ Kumitat.