Mara li kienet qed titlajja l-Marsa għal skop ta’ prostituzzjoni u li kienet l-ewwel xhud f’ġuri dwar il-qtil ta’ Sion Grech ta’ 20 sena mis-Siġġiewi qalet dak inhar tal-inċident kienet fl-inħawi u semghet it-twerżiq u rat lill-akkużati jagħtuha bis-sikkina.
Hekk kif i-ġuri daħal fit-tielet jum tiegħu l-ġuri ta’ żewġt irġiel, Ismael Habsesh, Libjan ta’ 52 sena u ta’ Mahouachi Faical Tuneżin ta’ 55 sena li jinsabu mixlija bl-omiċidju ta’ Sion Grech. Il-ġuri qiegħed jinstema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja.
Grech inqatlet bi 17-il daqqa ta’ sikkina f’April tal-2005 b’ħafna mid-daqqiet jingħataw fl-għonq u fis-sider tal-vittma. Il-katavru tagħha kien instab fit-13 ta’ April f’għalqa fil-Marsa. Hija kienet ilha rrapportata nieqsa sa mis-7 ta’ April tal-2005.
L-ewwel xhud l-Erbgħa filgħodu kienet Jacquline Rapinett, l-mara li uffiċjali tal-Pulizija diġa qalu fix-xhieda tagħhom li kienet rat id-delitt iseħħ. Rapinett qalet li dakinhar hija kienet fit-triq tistenna xi klijenti, semgħet ħafna twerżiq u rat lil Ismael Habsesh u dak li kien miegħu jsawwtu lil Sion.
Qalet li dak li kien ma’ Habesh, li ma tiftakarx x’jismu, ħareġ is-sikkina minn wara u beda jagħtiha biha. Tenniet li kien id-dlam, iżda setgħet tara permezz tad-dawl tal-Gvern li hemm fil-viċinanzi. Xehdet li f’ħin minnhom ġie klijent u marret ‘taqdih malajr’. Xħin ġiet lura minn mal-klijent, wieħed miż-żewġt irġiel li sawtu, ma tiftakarx min, qalilha “jekk titkellem, bħalu nagħmlulek”.
Qalet li wara dakinhar qattgħet ħafna żmien Mount Carmel, u ħadet ħafna pilloli. Sostniet li ċertun dettalji qed tgħid li nesiethom għax għadda ż-żmien. Mistoqsija kif u fejn kienet taf lil Habesh, hija qalet li tafu li jkun ma’ Sion Grech u li jekk tiftakar sew, kienu jiltaqgħu fejn l-isptar l-antik. Dwar kemm kienet tarahom frekwenti flimkien lill-vittma u Habesh qalet li ma tiftakarx.
L-Avukat Difensur Ismael Psaila staqsa lix-xhud jekk kinitx taf lil persuna l-oħra hija wieġbet fin-negattiv u qalet li qatt ma kienet ratu qabel. Ix-xhud qalet li l-aħħar li rat lil Sion Grech kienet liebsa dublett aħmar u żarbun takkuna, imma l-memorja tagħha mhix ċara.
Qalet li lill-klijenti tagħha, l-vittma kienet teħodhom postijiet differenti, imma kellha post li kienet tiffrekwenta ħafna li kien il-Marsa stess. Mistoqsija mill-Avukat Psaila għaliex iddeċidiet li titkellem mal-Pulizija, hija qalet li ftit wara l-episodju, daħlet il-ħabs u kienu marru għaliha is-CID il-ħabs stess.
Kompliet tgħid li ħaduha d-depot u qalulha li ried ikellimha l-Ispettur. “Kienu mmanettjawni, ħallewni ġol-karozza mmanettjata u bdejt nistaqsihom x’ġara. Qaluli issa jgħidlek l-Ispettur. Qaluli li sibna lil Sion Grech mejta, għandna l-provi li int rajt kollox. Beda jgħidli biex ngħid il-verità u għidtlu ok. U beda jsaqsini”, qalet Rapinett.
Fil-Qorti diġa ħareġ li Rapinett kienet bdiet tiġi mitkellma mill-investigaturi wara li l-Pulizija kienu rċevew ittra anonima li fiha ngħad li l-mara rat dan l-omiċidju jseħħ quddiem għajnejha. Waqt li kienu qed isiru d-domandi lix-xhud l-Prosekuzzjoni qalet li tixtieq li waqt l-aċċess ix-xhud tkun preżenti.
Hawn l-Imħallef Bugeja deher xi ftit perpless għax qal li huwa kien qed jistenna li t-talba kienet issir qabel u hawn d-difiża qalet li ma kinitx se taċċetta li wara li tixhed isir aċċess wara li tkun eżawriet ix-xhieda tagħha, inkella jekk isiru xi domandi dawn jiġu ndirizzati lill-Imħallef u hu jara jekk humiuex ammissibbli jew le.
Se jsir l-aċċess fuq il-post għall-ħabta tal-4pm
Ġie deċiż li jsir il-kontro eżami ta’ Rapinett u wara hija tibqa’ appartata sal-ħin li jsir l-aċċess fuq il-post tad-delitt, L-Erbgħa wara nofs inhar. Hawn ingħad li l-aċċess se jsir għall-ħabta tal-4pm. bl-Imħallef jgħid lill-partijiet li minħabba l-loġistika dawn l-affarijiet għadhom jaħsbu għalihom qabel.
L-Avukat Edward Gatt li flimkien mal_Avukat Psaila qed jidher għal Habesh qal li wieħed irid joqgħod attent minn ċerti manuvri fejn dalgħodu fuq xi sezzjoni tal-media diġa’ kien hemm min beda jikkampanja b’xi slogans ta’ “Justice for Sion.”
Wara kompliet tixhed Jacqueline Rapinett li qalet li kienet tinżel il-Marsa kuljum filwaqt li lill-vittma kienet taraha ta’ spiss fuq il-post. Mistoqsija min kien iwassalha l-Marsa, għall-ewwel qalet jekk tistax ma twieġibx għal din il-miotoqsija, iżda wara qalet li kienu jkunu xi klijenti li jwassluha fuq il-post.
Fuq domandi tal-Avukat Ismael Psaila hija qalet li ma tiftakarx min qabad il-vittma l-ewwel waqt is-swat u dwar ċint li kienet semmiet qabel, qalet li kienet ġebla propja u li din kienet faċċata tat-triq li tagħti fejn il-vapuri, u li hi kienet tkun hemm. Qalet li dan kien in-naħa ta’ fejn hemm għalqa.
Mistoqsija mill-Avukat Psaila jekk ratx sew kollox peress li kien id-dlam qalet li iva u li ppanikkjat u li l-ewwel kienet sejra t-Tiger Bar imma għadda klijent u marret miegħu. Dan kollu seħħ bejn ħamsa u 10 minuti u ma ratx aktar minħabba li marret tagħti servizz, u li kien u hu li wassalha lura. Qalet li marret mal-klijent fejn il-biċċerija.
Fuq mistosija dwar jekk il-Pulizija kienu kellmuha darbtejn fl-2008 u fl-2010, hija qalet li tiftakar li kienu kellmuha darba u li hija kienet tagħmel użu mid-droga u kellha problemi 10 snin ilu u li damet mhux ħażin taħt il-kura, Lanqas ma tiftakar li l-Ispettur Chris Pullicino kien kellimha dwar xi serqa li allegatament ikkommetta l-vittma.
L-Avukat tad-difiża fakkarha x’kienet qalet lill-Ispettur Pullicino li l-vittma kien seraq xi nuċċalijiet minn karozza u li minħabba li kien seraq minn din il-karozza kien qala’ sew. Lil Pullicino dwar xi serq ta’ droga kienet weġbitu ma kenitx taf. Ix-xhud qaltlu qed tiftakar xi ħaġa għax qed ifakkarha hu, imma ħafna affarijiet xorta ma tiftakarx.
Hija kkonfermat li Gejtu Scerri kien l-għarus tagħha u li fuq il-każ tas-serqa li kien spiċċa arrestat qatt ma kien kellimha. Qalet li hi kienet il-ħabs dak iż-żmien. Hija kienet xettika wkoll dwar il-fatt li Scerri kien qalilha li l-vittma kien qala’ xeba’ tajba.
Mistoqsija dwar x’kien liebes il-vittma dak inhar tal-inċident, hija qalet li ma tiftakarx u dan għaliex għadda ħafna żmien u li hi għaddiet minn ħafna affarijiet. L-Avukat Psaila qalilha li fl-istqarrija kienet qalet x’kien liebes u hi wieġbet, “allura oqgħodu magħha” imma llum ma tiftakarx dwar dan li kienet qalet.
Hija qalet li d-droga kienet qerditha u tieħu dak li jiġi għal idejha, nkluż eroina u kokaina. F’Jannar tal-2013 ma tiftakarx li l-Pulizija ħaduha d-depot biex tagħaraf lil xi persuni. Imma wara ftit tal-ħin ftakret u qalet li daħluha f’kamra biex tagħraf lill-akkużati.
Hija semmiet lil Habesh u lil ieħor ma tafx x’ismu u li llum fl-awla ħarset darba, tnejn tlieta biex tara jekk hux hu għax donnu nbidel. L-Avukat Simon Micallef Stafrace kien qed jistaqsiha fuq Mahouachi Faical, il-klijent tiegħu fejn reġgħet tenniet li ħafna affarijiet mhijiex tiftakarahom.
Il-vittma kienet fl-inkwiet fuq kwistjoni ta’ serq
Mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti qalet li kienet ħabiba ta’ Sion Grech u kienet ilha tafha madwar tliet snin. Kienet tafha l-Marsa, għax it-tnejn kienu jagħmlu xogħol ta’ prostituzzjoni. L-aħħar li ratha, l-vittma kienet qed tbiddel il-ħwejjeġ, għax missier Grech ma kienx iridha tilbes ta’ mara.
Sion Grech kienet qalet lix-xhud li tinsab fl-inkwiet ma’ xi ħadd barrani għax serqet mobile u xi flus. Il-mobile irritornatu imma l-flus ma tathomx lura. Wara ratha tilbes ġakketta tal-ġilda kannella. Il-ġakketta kienet tatilha persuna oħra, għax il-vittma kienet tilbes imqaċċat ħafna, imma ma tiftakarx min.
Minn dak inhar ‘l hawn ma reġgħetx ratha jew kellmitha. Fil-11 t’April tal-2005, ix-xhud kienet qalet fix-xhieda tagħha li lil Sion Grech kienet ratha bid-demm, iżda fix-xhieda tagħha waqt il-ġuri qalet li ma jistax ikun li qalet dan. Tenniet li l-aħħar darba li rat lill-vittma kienet meta ratha tbiddel il-ħwejjeġ u qaltilha li qiegħda fl-inkwiet ma’ barrani.
Wara li l-Avukat Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qratilha rapport ieħor dwar ix-xhieda tagħha fl-15 t’April tal-2005, hija qalet li jista’ jkun li rat lil Grech bid-demm la hemm miktub hekk, imma ma tiftakarx. Qalet ukoll li Sion Grech kienet tgħid li qiegħda ma’ Ismael, imma hi qatt ma rathom jagħmlu xejn, minkejja li kienu jkunu ħafna flimkien għax huma t-tlieta kienu jieħdu d-droga flimkien.
Diversi ġurati wkoll bdew jagħmlu l-mistoqsijiet fejn ħawn ħareġ li r-relazzjoni ta’ bejniethom waqt ix-xogħol ma kenitx ħażina, anke jekk f’xi mumenti kienu jilletikaw. Dwar kif iltaqgħu Habesh u l-vittma, x-xhud qalet li hi kienet ħabiba ta’ Habesh, imbagħad ġiet Sion Grech.
“Jien għalija kienu ħbieb, għax qatt ma rajt xejn li jindika li kienu flimkien. Forsi hi kienet iffissata fuqu u kienet tgħid hekk, imma li kien jagħmel magħha kien jagħmel miegħi”, sostniet ix-xhud li qalet ukoll li ma kellhom lil ħadd jipproteġihom jew kien hemm xi ħadd li jieħu ħsieb lill-oħrajn, u kulħadd kien jaħdem għal rasu.
Jinstab il-katavru
Xhud ieħor kien Andrew St John. Huwa qal li fl-2005 kien Surġent fis-CID. Qal li fis-7 t’April ta’ dik is-sena ġew inkarigati biex jassistu fuq każ partikolari ta’ Sion Grech, li f’dik il-ġurnata kienet għadha rrappurtata nieqsa. Tenna li qalb xi travi tal-ħadid, ġie indikat li kien hemm basket partikolari, instabet ġakketta, materjal tal-jeans, mal-għonq u l-kmiem bil-fur, u b’kuluri varji.
Qal li kien qed jingħad li ġew depożiti hemm minn Sion Grech għax kien spiss il-lok fejn tbiddel il-ħwejjeġ. Kienu għamlu diversi jiem ifittxu lill-vittma. Bdew imorru fl-inħawi tat-Tiger Bar fil-Marsa fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu u bil-lejl, minħabba li kien hemm iktar probabilità li Sion Grech titfaċċa f’dawk il-ħinijiet.
Is-Surġent qal li ma tantx kienu fittxew fid-dettall l-għalqa għax mill-parkeġġ tal-karozzi kienet tidher kollha. L-għalqa kellha ħaxix għoli ħafna, ma kinitx maħsuda, iżda ddeċidew li jispezzjonawha bir-reqqa. Daħlu fil-ħaxix u bdew joforquh.
F’daqqa waħda, xi metru u nofs il bogħod jara roqgħa fil-miftuħ u nnota li propju f’dawk il-metru u nofs kien hemm katavru. Kif inġibed biex jara aħjar, ħarġu xi ġrieden minn taħtu u nfirxu għal ġol-għalqa. Seta’ jara li parti mill-wiċċ tal-katavru li kienet ‘il fuq kien għad fiha l-laħam.
Qal li l-parti li kienet tmiss mal-ħamrija kienet diġà dditerjorat, kienet għadam. Mill-għonq ‘l isfel kien għad hemm parti sostanzjali mil-laħam, iżda fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Seta’ jara l-ġrieħi mal-ġisem, anke fejn kien hemm il-ħwejjeġ, jidher li kien hemm penetrazzjoni. Qal li l-katavru ta’ Sion Grech nstab fit-13 t’April, 2006 għall-ħabta tas-2.30pm. Hawn intemmet ix-xhieda fejn fl-4.30pm, il-ġurati, l-akkużati u l-Imħallef se jżuru l-post fejn inqatlet il-vittma. Il-ġuri jkompli l-Ħamis filgħodu.