Eżorċista qal f’ġuri ta’ żagħażugħ ta’ 22 sena minn Bormla, akkużat fuq stupru qal ma ra l-ebda attività li turi li kien hemm il-preżenza tad-demonju fit-tliet żjarat tiegħu fid-dar ġewwa Marsaskala fejn allegarament seħħew ir-reati. Patri John Vella, Franġiskan Kapuċċin li kien maħtur bħala wieħed mill-eżorċisti ta’ Malta fl-2005, qal dan meta kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Dan hekk kif il-ġuri daħal fit-tielet jum tiegħ fejn l-akkużat qed jiġi mixli li mmanipula familja vulnerabbli biex iwettaq atti sesswali degradanti fosthom stupru billi jbiddel il-leħen tiegħu, biex allegatament jagħti x’jifhem li kien id–demonju.
L-Avukat Francesco Refalo, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Angele Vella, staqsa lill-eżorċista dwar il-familja tal-vittmi. Huwa qal li kienet l-omm li kienet għamlet kuntatt miegħu l-ewwel, u sussegwentement żewġha kien kultant iżuru ukoll.
“Bintha ż-żgħira kienet tiġi wkoll kultant, l-għarus tagħha (l-akkużat) wkoll.” Qal li kien qed jidentifika lill-akkużat b’ismu, iżda jispjega li ma setax jarah fil-Qorti minħabba problemi fil-vista. Is-saċerdot spjega li ma jistax jiżvela dak li ntqal taħt is-siġriet tal-qrar, u kien se jixhed biss dwar dak li l-omm kienet tkellmet miegħu barra l-konfessjonarju, fil-preżenza ta’ żewġha, fejn hija qalet li kienet ipparteċipat f’ritwali.
“Ilkoll qalu li kienu qed jisimgħu ilħna… l-omm u r-raġel riedu li nbierek d-dar.” Huwa ddeskriva l-intern tad-dar bħala “ta’ taħt fuq”. L-art kienet miksija bi nuċċalijiet mkissra, u oġġetti oħra. Huwa kien bierek id-dar fl-ewwel żjara tiegħu. Fost affarijiet oħra, kienu qalulu li arloġġ tan-nannu mexa waħdu biex jimblokka l-kuritur.
Qal li fi triqtu għal barra, arloġġ kien waqa’ minn fuq il-ħajt, iżda ddikjara li ma setax ikun ċert li ma kienx sempliċement waqa’ għal raġunijiet mhux sopranaturali. Meta wieġeb mistoqsija mill-Imħallef, huwa qal li ma ħass l-ebda preżenza spiritwali partikolari ġewwa d-dar waqt iż-żjarat tiegħu.
Fr. Vella kien għamel it-tieni żjara fid-dar biex jiċċelebra quddiesa. Ma setax jiftakar jekk l-akkużat kienx hemm, huwa qal, iżda kien ċert li l-omm kienet preżenti, kif ukoll it-tieni raġel li kien deskritt bħala ħabib tal-omm. “Naf li hu (il-ħabib” kien Mount Carmel mal-omm. Qaluli li kien qed jipprova jgħin lill-familja.”
“Ġara xi ħaġa waqt il-quddiesa?” staqsiet il-Qorti. “Ma ndunajt b’xejn,” huwawieġeb. Biex ikun ċert li ma kienx hemm preżenza demonika fid-dar – kif ukoll biex iserraħ ras il-familja li tokkupaha, kien mar flimkien ma’ qassis ieħor, biex iwettaq ir-ritwali solenni tal-eżorċiżmu. “Ma nnutajt xejn ħażin,” tenna l-eżorċista. “Il-ġenituri, l-akkużat u t-tfajla tiegħu kienu preżenti.”
L-Imħallef staqsietu jekk qattx issuġġerixxa li jfittxu kura medika. “Naturalment,” huwa wieġeb. “L-omm kienet qaltli li kienet diġà taħt kura medika. Jiena tajtha parir biex ma tikkomunikax mas-supernaturali, spirti u affarijiet oħra. Nemmen li l-aspett spiritwali jeħtieġ ukoll il-psikoloġiku. Qaltli li kienet il-Monte Carmeli diversi drabi.”
Fr. Vella kien mistoqsi diversi drabi b’modi differenti jekk kienx innota xi ħjiel ta’ sopranaturali jew demoniku fil-kuntatt tiegħu mal-familja, iżda r-risposta baqgħet le. “Kienu jgħiduli li semgħu vuċijiet, imma qatt ma rajt xejn. Qatt ma smajt xejn.”
Huwa kien kellem lill-omm u lill-missier individwalment, filwaqt li t-tfal kienu kkuntattjawh bit-telefon, huwa qal. “L-akkużat kien ikellimni, kif kienu jagħmlu t-tifla ż-żgħira u l-omm. Kienu kollha mbeżżgħin. Imwerwin minn dawn il-vuċijiet li kienu qed jisimgħu.” Il-missier kien qallu dwar inċident li kien jinvolvi fan ta’ l-istand itir madwar il-kamra. “Imma kienu vuċijiet jew le?” staqsa l-Avukat Refalo. “Qaluli li kienu vuċijiet,” wieġeb il-qassis.
L-eżorċista mbagħad ġie kontro-eżaminat mill-avukat difensur Mario Mifsud. Meta wieġeb għas-suġġeriment li devozzjoni Marjana kienet se treġġa’ preżenza demonika, hu wieġeb “Mhux biss. Trid tkunu wkoll fi stat ta’ grazzja. Jekk tilgħab bl-ispirti, tkun qed tistieden lil Satana ukoll.”
L-avukat staqsa jekk l-invokazzjoni tal-ispirti ġġibx magħha riskju akbar li tkun is-suġġett ta’ saħtiet jew tbatija. “Ħalli ngħidlek. Meta titlob lill-ispirtu t’Alla, istantanjament tħoss il-kuntentizza, għax int qrib Alla. Meta titlob lill-ispirti ħżiena, naturalment tħossok ħażin.
“Dak li jżommu ’l bogħod huwa t-talb u s-sagramenti.” Huwa kien ħass il-bżonn li jiċċelebra Quddiesa, u sussegwentement jagħmel eżorċiżmu fid-dar għax l-ilment tal-familja kien baqa’ jippersisti, minkejja l-barka inizjali, qal is-saċerdot, bi tweġiba għal mistoqsija oħra.
L-avukat staqsa jekk xi membru tal-familja qattx qallu, fil-privat, li ssuspettaw li hemm bniedem wara l-vuċi. Le ma kinux, huwa wieġeb. “Qatt xi darba t-tifla ż-żgħira qaltlek fil-privat li ġejt biex tbierek id-dar għal xejn għax il-vuċi hija tal-akkużat u kienet wisq tibża’ minnu?”
“Ma naħsibx li qatt kellimtha waħdi.” L-avukat staqsa jekk kienx hemm xi mod kif tiftaħ għajnejn xi ħadd għal problema, mingħajr ma jinkiser is-sigriet tal-qrar?” “Nista’ jobbliga lill-persuna fil-qrar biex tindirizza l-problema,” Fr. Vella wieġeb. Il-qassis żied jgħid li kien intalab jixhed dwar il-każ fil-Qorti sena wara l-inċidenti, iżda ma kellu l-ebda kuntatt mal-familja wara li kien iċċelebra l-quddiesa fid-dar tagħhom. Huwa wkoll qatt ma ltaqa’ mat-tifla l-kbira, huwa żied jgħid
Theddid kuljum mill-akkużat li jinkludi qtil u l-qtugħ tal-pala tas-saqajn
Is-Surġent Mario Farrugia qal li fid-29 ta’ Jannar tal-2019 ftit wara l-4pm oħt l-eks tas-sieħba tal-akkużat flimkien ma’ żewġ ‘social workers’ għamlu rapport l-Għassa ta’ Marsaskala dwar theddid u abbuż fil-familja.
Kienu qalulu li t-theddid mill-akkużat, allegatament, kien isir kuljum. Oħt l-eks tfajla tal-akkużat kien jgħidilha “noqtlok, naqtagħlek il-pala ta’ saqajk u s-swaba’.” It-theddid kien isir f’forom differenti. Allegatament l-akkużat li dak iż-żmien kellu 18-il sena kien jitfi d-dawl, jaqbad is-skieken u joqgħod isinnhom, jhedded lil oħt l-eks sieħba tiegħu u jgħidilha li fadlilha ftit ħajja. Fir-rapport din qaltlu wkoll li kemm il-dara sawwatha.
Dan ħareġ meta quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, kompla jinstema’ l-ġuri ta’ żagħżugħ ta’ 22 sena minn Bormla akkużat, fost l-oħrajn, li stupra lil omm l-eks tfajla tiegħu, li wettaq assi sesswali fuq it-tfajla tiegħu li kienet taħt l-età u fuq oħtha mingħajr kunsens u li kkaġunalhom biża u li ssekwestrahom.
L-allegat reat li qed jiġi mixli bih iż-żagħżugħ seħħ fid-29 ta’ Jannar tal-2019 fid-dar u fix-xhur ta’ qabel fejn kienu jgħixu ż-żagħżugħ u t-tfajla, f’Marsaskala. Il-Qorti Kriminali ordnat li isem l-akkużat u l-allegati vittmi ma jixxandarx. Ix-xhud qal li skont oħt l-eks sieħba tal-akkużat huwa kien iġib ruħu b’dan il-mod għax kien jgħid li ommha, li bl-‘ouija board’, ġabet dimonju fuq il-familja u dan kien jagħtih l-ordnijiet.
Qaltlu wkoll dwar abbuż li allegatament kien iseħħ fuqha u fuq ommha u li kien iġiegħel lilha u lil ommha jmissu lil xulxin fil-parti privata tagħhom, u darb’oħra kien ġegħilha tinża l-ħwejjeġ, ħallieha quddiem fann u tefgħalha barmil ilma. Darba minnhoml-akkużat ġiegħel lil ommha u lil missierha jagħmlu s-sess waqt li kien joqgħod iħares lejhom.
Ix-xhud qal ukoll li oħt l-eks sieħba tal-akkużat ħassitha skomda tagħmel dan ir-rapport għax il-Pulizija fl-Għassa kienu kollha rġiel. Tenna wkoll li kien hu li arresta lill-akkużat. Xehdet ukoll il-Kuntistabbli Andrea Tanti li qalet li waħda mill-vittmi, l-omm, kienet qaltilha li kienet tisma’ lid-dimonju jkellimha u li kien jgħidilha li jrid jagħmlilha l-ħsara.
Qaltilha wkoll, li kienet tisimgħu biss fid-dar tagħha u dan biss meta kien ikun hemm l-għarus ta’ bintha, jiġifieri l-akkużat. Ikkonfermat magħha wkoll li fil-passat kienet tuża affarijiet tal-okkult. Xhud ieħor kien il-Kuntistabbli Carlos Farrugia li qal li fis-6 ta’ Frar tal-2019 kien fost l-uffiċjali tal-Pulizija li għamlu tfittxija fir-residenza fejn kenu jseħħu l-allegati reati.
Tenna li d-dar kienet mitluqa u maħmuġa, u li fiha kien hemm “riħa qawwija ta’ ħmieġ tal-klieb.” Qal li l-kmamar kienu mħarbtin u li d-dar kellha żewġ sulari. Fit-tfittxija, qal li nġabar laptop. Jiftakar ukoll, li l-akkużat qal lill-Pulizija li ma riedx jidħol fir-residenza għax beda jibża’.
Fl-istqarrija li kien ta l-akkużat huwa kien ċaħad kollox
Filmat tal-istqarrija li ta l-akkużat lill-Pulizija fis-7 ta’ Frar tal-2019 intwera’ fl-awla 14 tal-Qorti fejn huwa ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li saru fuqu. L-akkużat jinstema’ jgħid li kien jgħix għand omm u missier it-tfajla tiegħu. Kien ilu jgħix magħhom tmien xhur u nofs. Fid-dar, kienu jgħixu hu, omm l-eks tfajla, missierha u t-tfajla tiegħu. Qal li f’Diċembru, kienet marret toqgħod magħhom anki oħt it-tfajla.
Huwa jiċħad li sawwat, hedded u għajjar lil oħt l-eks tfajla tiegħu. Anzi qal li kienet hi li ġieli tatu daqqiet ta’ ponn u oħrajn f’wiċċu. Jiċħad ukoll, li l-leħen tax-xitan kien tiegħu. Jgħid, li l-leħen kien jisimgħu hu wkoll. Kien jgħidlu, fost l-oħrajn, biex jaħsel il-ġnien mill-bżonnijiet tal-klieb kif ukoll biex ma joħroġx mill-kamra.
Sostna wkoll li l-leħen ma kienx dejjem l-istess u li mhux dejjem kien jitkellem bil-Malti. Tenna, li “l-leħen beda jitkellem minn Santa Marija.” L-affarijiet strambi fid-dar, jgħid li bdew iseħħu f’dak iż-żmien. Jiftakar, li darba hu, t-tfajla, ommha u missierha raw tazza tinkiser, u darb’oħra kienu fuq u semgħu tazza oħra tinkiser fis-sular t’isfel.
Huwa qal li mhux veru li kien jitfi d-dwal, isinn is-skieken u jhedded lil oħt it-tfajla li se joqtolha. Saħaq li, li lil omm it-tfajla ġieli sabilha affarijiet tal-okkult, fosthom ouija board u pupa bi stilla. Jiftakarha, tixtri pupi sataniċi. Jgħid, li omm it-tfajla, kienet ixxarrbu bi flixkun tal-ilma.
Jiftakar, li omm it-tfajla ġieli ngħatat kastigi “mil-leħen.” Fost l-oħrajn, jgħid li semgħu jgħidilha biex tinża’ u li darb’oħra indirizza lil oħt it-tfajla tiegħu biex iġġib xkupa u ddaħħalha fil-parti privata t’ommha. Qal li okkażjoni minnhom, kien ħass lil xi ħadd jiġbdu minn saqajh u li waqa’ t-taraġ. Darb’oħra “l-ispirtu” waddablu fann.
Kien ukoll jibża’ mill-leħen u li ommu qaltlu biex jitlaq mid-dar jekk kien se jibqa’ joħroġ mas-sieħba tiegħu għax semgħet qlajjiet fuq it-tfajla tiegħu u fuq ommha. Kienet ukoll saret quddiesa fid-dar u li omm it-tfajla tiegħu ngħatat parir biex telimina mid-dar kull ħaġa li kellha x’taqsam mal-okkult.
Oħt it-tfajla, lix-xitan kienet tgħidlu “ħallini, ħallini.” Jaf, li ġieli sawwatha, li ġieli kienet tħoss għajnejha jingħafsulha. Jgħid, li anki hu ġieli ħass uġigħ f’idejh, dahru u kuxxtejh. Sħabu tal-futbol kienu jsaqsuh għalfejn kien ikun daqshekk muġugħ. Il-kowċ għamel żmien ma jilagħbux.
Xhud ieħor kien Mauro Delceppo, li qal li kien il-kowċ tal-futbol tal-akkużat. Xehed li ġieli wasslu għat-‘training’. Sostna li kien jilgħab regolari, iżda wara Diċembru tal-2018 ma baqax jinżel għal-logħob. Xehdet ukoll il-psikologa Luisa Eminyan, li kienet tara lill-oħt eks sieħba tal-akkużat.
Ix-xhud qalet li bdiet isegwiha f’Ottubru tal-2018. Fit-28 ta’ Jannar tal-2019, l-allegata vittma talbitha appuntament urġenti. Iltaqgħet magħha u għalhekk ratha l-għada. Qaltilha, li l-għarus t’oħtha kien qed jabbuża minnha u minn ommha d-dar b’mod fiżiku u emozzjonali.
Fost affarijiet oħra kien kien isawwat lil ommha u anki lilha billi juża l-ponn, b’daqqiet ta’ sieq u bi frosta. Kien ukoll ġiegħel lill-familja tagħha temmen li kien hemm xitan fid-dar. Qaltilha wkoll, li kien heddidha li joqtolha jekk titkellem jew tipprova titlaq mid-dar. Kien ibeżżagħha, billi jgħidilha pereżempju “llejla se tmut.” Qalet ukoll, li allegatament l-akkużat stupra lil ommha u kien ġegħilha tgħinu jwettaq dan l-att.
Xhud ieħor kienet Sylvana Calleja mill-Aġenzija Appoġġ li qalet li oħt l-eks sieħba tal-akkużat kellmitha dwar diversi inċidenti ta’ vjolenza li kienu jsiru fi-dar ta’ Marsaskala. Qaltilha li ommha kienet involuta fl-okkult, u li l-għarus t’oħtha kien qed juża dan biex jikkontrolla l-familja kollha.
L-għarus t’oħtha kien jgħid li għandu x-xitan u li d-dimonju kien jitkellem permezz tiegħu biex jagħti l-ordnijiet lill-familja. L-akkużat, kien jgħidilhom li l-ispirti kienu jarawh bħala “s-Salvatur.” Qaltilha li l-akkużat kien juża l-leħen tax-xitan għall-gwadann tiegħu, saħansitra anki biex jgħaddulu l-flus.
Qaltilha, li darba rat lill-akkużat jagħti bil-frosta mal-ħajt waqt li beda jgħid li l-ispirti kienu qed isawtuh. Għalkemm kien jgħid li x-xitan kien isawtu, issostni, li huwa ma kellux marki ta’ swat fuq ġismu. Callejja qalet ukoll li 12-il sena ilu kienet issegwi lill-eks tfajla tal-akkużat u lil oħtha minħabba, fost l-oħrajn, “l-okkult tal-familja.” Dan, meta ż-żewġ allegati vittmi kellhom 12-il sena u tmien snin, Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Mario Mifsud.
//= $special ?>