Frida kienet mara li għexet tassew is-sagrament taż-żwieġ u rabbiet lill-uliedha bl-ikbar għożża u mħabba… mara li kienet tgħin lil kulħadd u tmidd idejha mal-imsejknin.
Hekk sosnta Fr Charles Tabone quddiem numru kbir ta’ persuni li ħonqu l-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa fejn l-Erbgħa waranofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lil Frida Grech, omm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li mietet il-Tnejn li għadda fl-età ta’ 92 sena.
Fil-preżenza ta’ bosta qraba u ħbieb fosthom l-erba’ uliedha Marica, Noel, Josiah u Bernard, Frida kienet deskritta bħala mara li kellha fidi kbira f’Alla, li għexet ħajjitha f’relazzjoni intima ma’ Alla. Mara ta’ ħila kbira li kienet tiswa iktar mill-ġawhar.
Fr Charles Tabone fakkar kif Frida u John kienu koppja eżemplari li ma kinux jgħaddu mingħajr xulxin. Kien hawn fejn qal li Frida u John issa jistgħu jiċċelebraw il-65 anniversarju tat-tieġ tagħhom flimkien fil-ġenna.
It-talbiet tal-fidili inqraw min-neputijiet ta’ Frida filwaqt li t-tfal tagħha tellgħu l-offerti.. b’wieħed minnhom jiddedikalha silta mużikali bil-vjolin.
Preżenti għall-funeral kien hemm mart il-President ta’ Malta Miriam Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżenanti Anglu Farrugia, kif ukoll Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra. Attendew ukoll is-Segretarju Generali Michael Piccinino, u l-Vici Kap tal-PN Alex Perici Calascione.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News twassal il-kondoljanzi tagħha lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u lill-familja Grech.
//= $special ?>