Lokali Saħħa

Tkompli tikber il-problema tal-mediċini out-of-stock

Is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ mediċini u pilloli out-of-stock kull ma jmur qed tkompli titfa’ l-piż tagħha fuq żgħażagħ u anzjani, speċjalment fuq pazjenti li jkunu jridu jagħmlu użu minn dawn il-mediċini.

Il-problema issa tant daħlet fil-fond li hemm ammont ta’ mediċini li jinsabu out-of-stock li lanqas hemm data meta dawn se jkunu mill-ġdid in stock.

Fost dawn, hemm mediċina partikolari li wieħed għandu jieħu meta jkun għaddej bit-trattament tal-kanċer li l-għan tagħha huwa li jipprevjeni d-dardir wara l-kimoterapija.

Mediċina oħra li tinsab out-of-stock hija steroid li wkoll titratta l-kanċer u kif ukoll l-altrite. Din l-istess mediċina, m’hemmx data defenitiva meta se tkun disponibbli. L-istess il-mediċini li jitrattaw l-asthma u oħrajn li jitrattaw id-dardir li bosta drabi jinħoloq minn vjaġġi fit-tul fuq il-baħar jew fl-ajru.

Hemm ukoll mediċina out-of-stock li tikkura varjetà ta’ kundizzjonijiet tal-ġilda bħal ekżema, dermatite, u anki allerġiji.

Sorsi fil-qasam mediku flimkien ma’ diversi tobba ikkonfermawlna li għal uħud minn dawn il-mediċini m’hemmx alternattivi oħra, u l-pazjent qed jispiċċa jitkarrab biex ikompli jieħu l-kura li tant ikollu bżonn.

Apparti professjonisti mediċi u l-pazjenti li kuljum qed iħabbtu wiċċhom ma’ din il-kriżi ta’ medicini, bosta  qed jisħqu li l-Gvern għandu jantiċipa u jaġixxi minn qabel biex ma jkunx hawn mediċini nieqsa. Dan l-appell sar ukoll mill-PN fl-aħħar sigħat, hekk kif il-problema kull ma jmur qed tkompli tmur għall-agħar.

Nies li tkellmu ma’ Net News qalu li uħud għamlu tentattiv biex imorru jixtru dawn il-mediċini fi spiżeriji privati, madankollu ma sabux il-pilloli li kellhom bżonn.

Oħrajn spjegawlna kif il-pazjenti jkunu diġà għaddejjin minn problemi finanzjarji, b’mod partikolari l-anzjani u l-pensjonanti. U din il-problema se tkompli żżid mal-ispejjeż u l-piżijiet kontinwi.