Ewropa Lokali

UE: Malta ‘mhix tagħmel xogħolha sew’ rigward is-sanzjonijiet għall-assi tar-Russi

Dokument ġdid ippubblikat wera li Malta u l-Greċja bilkemm waslu qrib li jiffriżaw l-istess ammonti tal-assi tal-oligarki u uffiċjali qrib il-President tar-Russja Vladimir Putin daqs il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Fl-istess ħin, uffiċjal tal-Unjoni Ewropea li xtaq jibqa’ anonimu qal li l-iżvilupp hu pjuttost ‘sorprendenti’ waqt li ma jeskludix li dawn iż-żewġ pajjiżi ‘mhumiex jaqdu dmirhom kif suppost’ skont il-kriterji relatati mal-lista tas-sanzjonijiet għar-Russja li ħejjiet l-Unjoni.

L-istess sors, fl-istess ħin, ma jeskludix li Malta u l-Greċja setgħu ħadu l-passi dovuti mingħajr ma komunikawhom mal-Unjoni ‘u minkejja l-ħafna opportunitajiet li kellhom biex jagħmlu dan’.

Is-27 pajjiżi tal-UE, sallum, irrappurtaw l-iffriżar ta’ assi sanzjonati tar-Russi ekwivalenti għal xi 20.3 biljun ewro – bl-Italja, l-Irlanda, Franza, Spanja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Awstrija jirreġistraw ‘il fuq minn biljun ewro.

Madankollu, numru ta’ osservaturi, fl-aħħar sigħat, qalu li l-impenji tal-Gvern Malti u tal-Greċja f’dan ir-rigward huma relattivament ‘fqar u ineffettivi’. Dan fiċ-ċirkustanzi l-Ewropa qed timponi s-sanzjonijiet finanzjarji riġidi u ‘inflessibbli’ għall-uffiċjali tal-Kremlin immexxi minn Putin u li huma relatati mal-gwerra li ilha għaddejja x-xhur fl-Ukrajna.

Ir-rapport, fl-istess ħin, qed jgħid li Malta ffriżat ‘biss’ l-ekwivalenti ta’ 147,000 ewro f’assi tar-Russi, bil-Greċja tagħmel l-istess għall-ekwivalenti ta’ 212,000 ewro mill-istess sors.