Hekk kif bħalissa għaddej proċess sabiex jitressqu emendi għal-liġi dwar il-prostituzzjoni, f’Ittra miktuba mill-Malta Women’s Lobby lid-deputat Laburista Rebecca Buttigieg, huma kkritikkaw bil-qawwi il-liġi dwar il-prostituzzjoni f’Malta kif ġiet proposta mill-Gvern.
Il-lobby tan-Nisa saħqet li “l-liġi li tiddekriminalizza l-prostituzzjoni f’Malta, tappoġġa minoranza żgħira ħafna ta’ individwi, filwaqt li fl-istess ħin tisfrutta l-maġġoranza tal-vittmi.”
Il-Malta Women’s Lobby fakkret lill-gvern kif 46 organizzazzjoni huma kontra dil-liġi tentattiva dwar il-prostituzzjoni f’Malta. Huma qalu li “bl-eċċezzjoni ta’ żewġ organizzazzjonijiet – li mhumiex esperti fis-suġġett – is-46 organizzazzjoni kollha li pparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjonijiet u eventwalment iffurmaw parti mill-Koalizzjoni, qablu li l-liġi l-ġdida trid tillimita, mhux tespandi, id-domanda għas-servizzi sesswali.. pożizzjoni li ħadet ukoll il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.
L-MWL tirrappreżenta diversi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa li żammew oppożizzjoni kostanti għad-dekriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni, li s’issa hija appoġġjata minn ftit NGOs biss.
Fl-ittra indirizzata lid-deputat Laburista il-Malta Women’s Lobby saħqu li din il-liġi se tiftaħ il-bibien għal turiżmu li jattira s-sess u għat-traffikar tal-bniedem, u tippermetti tali aġir kriminali, apparti li tesponi n-nisa u l-bniet kemm Maltin kif ukoll barranin, għal livelli ta’ riskju u ħsara bla preċedent.
Il-MWL innutat li l-maġġoranza assoluta tal-persuni fil-prostituzzjoni f’Malta huma nisa, u r-riċerka ripetutament turi li huma kollha, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, vittmi ta’ koerċizzjoni, kemm finanzjarja, emozzjonali, jew fiżika.
Iżda l-MWL tgħid li l-prevenzjoni tal-isfruttament tista’ tkun effettiva biss jekk ix-xiri tas-sess jiġi illegali u penalizzat kif xieraq.
Fl-ittra miktuba mill-MWL huma appellaw lill-Gvern sabiex jiddefendi d-drittijiet tan-nisa u jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli, li ħafna minnhom m’għandhomx vuċi f’dan id-dibattitu, u jiddependu fuq ir-rappreżentanti tagħhom biex jipproteġu l-interessi tagħhom u mhux l-interessi ta’ dawk li qed jisfruttawhom.
//= $special ?>