Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kingfisher Sport Fishing Association fejn fl-aġenda fost oħrajn tressqet mozzjoni lill-awtoritajiet sabiex jissalvagwardjaw il-postijiet fejn jista jibqa’ jsir dan id-delizzju. Il-mozzjoni, li kienet approvat b’mod unanimu mill-membri preżenti, tgħid li qed ikun innutat li l-postijiet fuq xtajta u portijiet fejn wieħed jista’ jistad qed jiġi mnaqqar b’mod inkwetanti u konistenti minħabba proġetti u li minħabba f’hekk mhux biss il-membri tal-KSFA qed isisbu dejjem aktar diffikultà fejn jistgħu b’mod liberu, iżda l-KSFA qed tiffaċċja diffikultà biex issib ‘venues’ fejn tista’ torganizza kompetizzjonijiet tas-sajd. Il-membri talbu lill-awtoritajiet biex meta jkollhom talbiet għal dawn it-tip ta’ proġetti, tinvolvi l-għaqdiet tas-sajjieda fil-konsultazzjoni, u dejjem iżommu inkonsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ spazju għad-dilettanti ta’ dan id-delizzju.
Barra minnhekk kien imħabbar ukoll li wara 28 sena fil-kumitat u bosta snin iservi bħala President, John Attard ma kienx se jikkontesta biex jagħti spazju għal tmexxija friska. F’diskors qasir, l-Acting President Raymond Farrugia rringrazzja lil John Attard għas-snin ta’ servizz li ta lill-assoċjazzjoni kif ukoll preżentalu tifkira tal-okkażjoni. Ingħataw ukoll tifkiriet lil Alexander Genovese (eks Teżorier) u Saviour Borg (eks Viċi President)
Bl-akbar rispett lejn l-ambjent, il-membri qablu wkoll li fil-kompetizzjoni tal-mulett, ħut iżgħar minn 15-il ċentimetru jiġi rilaxxat il-baħar minnufieħ.
Il-membri eletti fil-Kumitat għall-perjodu 2023-2025 huma Andre Borg, Carmelo Quatrocchi, James Gilson, Joseph Farrugia , Kenneth Abela, Sandro Cohen u Tristan Muscat. Il-Kumitat issa jrid jiltaqa’ biex ikunu deċiżi l-karigi tal-uffiċċjali.
