Internazzjonali

Iċ-Ċina: Għadab kbir wara attakk b’karozza fuq il-pubbliku fi Guangzhou

Il-poplu Ċiniż jinsab mgħaddab bil-kbir wara li raġel fi Guangzhou saq il-karozza tiegħu għal fuq in-nies li kienu għaddejjin għall-affari tagħhom  – bir-riżultat li nqatlu ħamsa, bi kważi 20 jispiċċaw midruba.

Ħafna qegħdin jakkużaw lir-raġel – li qed jinżamm mill-pulizija – dwar ‘attakk maħsub fuq in-nies’ u wara li hu kien saq għal fuq grupp ta’ persuni li kienu qed jistennew quddiem traffic light fiċ-ċentru tal-belt.

Il-filmati mill-inħawi li ttieħdu wara l-inċident u li qed jiċċirkulaw online juru lir-raġel ta’ 22 sena  ħiereġ mill-karozza filwaqt li qed jarmi l-karti tal-flus fl-ajru. L-inċident seħħ f’zona attiva waqt ir-rush hour ta’ filgħaxija u l-pulizija lokali bħalissa qed tinvestiga l-mottiv tas-sewwieq.

Qed jingħad ukoll li s-sewwieq, wara li tajjar lin-nies qrib it-traffic light, kien wettaq U-turn qabel saq mill-ġdid għal fuq xi persuni oħra li ma kellhomx iċ-ċans jaħarbu. Minuti wara, is-sewwieq aggressur spiċċa f’idejn il-pulizija li wieġbu għall-emerġenza.