Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela jfalli fuq l-aktar ħaġa li jiftaħar biha: Ir-ruħ soċjali” – PN

Minkejja li ftaħar li fit-tliet snin li Robert Abela ilu Prim Ministru, Malta “wriet ir-ruħ soċjali”, il-kelliema matul il-konferenza tal-aħbarijiet ħallew barra l-aktar element importanti: li fl-10 snin ta’ Gvern Laburista, il-faqar sploda.

Dan qalu l-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u għall-Ġlieda kontra l-Faqar, Ivan Bartolo.


Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad fit-tħassib tal-Maltin u l-Għawdxin, li qed jiffaċċjaw problema ta’ staġnar tal-pagi, ikkawżat mill-politika ħażina taċ-cheap labour u ż-żieda bl-addoċċ fil-popolazzjoni, kif ukoll minħabba l-għoli sfrenat tal-ħajja fejn jidħlu l-prodotti bażiċi u essenzjali.


Madankollu, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jippreferi jissokta bil-kampanji tax-xenxilli u t-tlellix minflok ma jipprovdi soluzzjonijiet konkreti li jwieżnu tassew lill-familji tagħna u li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.


Il-politika ta’ Robert Abela hi waħda li tikkastiga liż-żgħir – jiġifieri lill-maġġorparti tal-poplu – u li tħalli lill-kbir jagħmel li jrid. Hi politika li turi l-ponn tal-ħadid mad-dgħajjef, iżda mbagħad laxka ma’ min jiflaħ l-iżjed.


Il-Partit Nazzjonalista kemm-il darba stqarr li s-suċċess finta tas-suppost “ruħ soċjali” Laburista mhu xejn ħlief aktar tberbiq tal-miljuni fil-kuntratti korrotti, aktar miljuni lil tal-qalba bil-positions of trust, aktar jobs fantażma lil ħbiebhom u politika li jgħaddi bħal tar-romblu minn fuq kulħadd.


Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-kelliema tal-Labour ipprovaw inessu għalkollox li l-partit tagħhom ilu għaxar snin fil-Gvern u ma qalu xejn li f’dawn is-snin il-faqar sirt tħossu b’idejk. Minkejja l-ftaħir u l-kliem sabiħ, ma ppreżentaw l-ebda viżjoni biex tittaffa din il-pjaga serja u mifruxa madwar il-pajjiż kollu.


Iċ-ċertifikat ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru hu l-kontinwità tal-gvern ta’ qablu: li jwiegħed ħafna u jagħmel bil-kontra. Jgħid li qed imexxi gvern li għandu ruħ soċjali imma fil-verità jmexxi gvern li m’għandux ruħ soċjali.


Għall-Partit Nazzjonalista, il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma problemi allarmanti u għalhekk, jeħtieġ li jinġibed ħabel wieħed biex il-ġustizzja soċjali ma tibqax kunċett fuq il-karta, iżda titwettaq fil-prattika b’mod li tħalli l-frott fit-tul.


Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jappella biex is-sostenibbiltà tal-politika soċjali f’pajjiżna tintrabat bil-qawwa ma’ viżjoni soda, sostenibbli u fit-tul għas-setturi tal-edukazzjoni u x-xogħol ta’ kwalità, partikolarment bil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi li joħolqu l-ġid.