Il-President tar-Russja Vladimir Putin neħħa lil Sergei Surovikin minn kmandant suprem tal-qawwiet Russi fl-Ukrajna; bl-osservaturi jaħsbu li l-azzjoni qed tirrifletti problemi akbar għall-militar Russu fl-artijiet Ukreni milli qed tindika l-media Russa.
Intant, Valery Gerasimov, il-Kap tal-Istaff Ġenerali tal-Armata Russa, qed jieħu kmand tal-invażjoni tal-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar waqt li Surovikin – l-istrateġista wara tattiċi tal-gwerra brutali kontra ċ-ċivili – minn issa se jkun qed iservi taħtu. Gerasimov, li ilu fil-kariga attwali mill-2012, hu l-aktar Kap militari li dam fir-rwol ewlieni waqt l-era ta’ wara l-Unjoni Sovjetika komunista.
Kollox għaldaqstant qed jindika li l-President Putin ma kienx konvint mill-kapaċitajiet tal-istess Surovikin li mexxa l-aħħar attakki tal-militar Russu fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna. Madankollu, xi osservaturi jaħsbu li ċ-ċaqliq fit-tmexxija tal-militar kellu jseħħ minħabba sinjali li Surovikin kien qed isir b’saħħtu ż-żejjed u fost sinjali li l-influenza tiegħu kienet akbar minn tal-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu.
Sadanittant, ir-Russja qed tkompli tinsisti li l-kampanja militari tagħha, issa, qed turi progress fl-artijiet Ukreni tal-Lvant u wara li t-truppi ta’ Putin kienu sofrew sensiela ta’ disfatti umiljanti fl-aħħar xhur.
Fil-fatt, it-tattika favorita ta’ Sergei Surovikin kienet tinvolvi l-bumbardamenti fuq l-entitajiet essenzjali għall-Ukreni u bir-riżultat li miljuni ta’ Ukreni spiċċaw mingħajr dawl u ilma għal żmenijiet twal matul ix-xitwa – bl-aġir ta’ Surovikin qed jitqies ukoll bħala reat tal-gwerra.
Dan waqt li Surovikin kien anki kostrett li jieħu ħsieb l-irtirar tat-truppi Russi mill-belt ta’ Kherson fost il-konferma ta’ suċċess militari ieħor għall-Ukreni – u bl-iżvilupp xejn ma jinżel tajjeb mal-Kremlin immexxi minn Putin.
Qed ikomplu l-battalji għall-kontroll ta’ Soledar li fl-aħħar jiem kien spiċċa assedjat mill-merċenarji tal-grupp Wagner li qegħdin jappoġġjaw lil Putin f’din il-gwerra. Dan meta ma kenux ikkonfermati l-istqarrijiet ta’ dan il-grupp fis-sens li l-inħawi ta’ Soledar, fl-aħħar jiem, spiċċaw ‘mimlijin bil-katavri tat-truppi Russi’.
U l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky ma żammx lura biex jirribatti l-istqarrijiet fost iċ-ċaħda kategorika li d-difensuri Ukreni kienu ċedew l-armi f’Soledar… ‘L-Istat terrorist (b’referenza għar-Russja) u l-propagandisti f’Moska qed jippruvaw iqarrqu b’diskors dwar xi suċċessi militari f’Soledar, iżda fil-verità, l-Ukreni għadhom qed jirreżistu u l-potenzjal għal difiża aktar soda qiegħed jikber minn jum għal jum’, sostna Zelensky waqt l-aħħar diskors tiegħu minn Kiev.
//= $special ?>

