Jerome Caruana Cilia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Clia qal fil-parlament li l-bidla fl-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif irid jagħmel il-Prim Minsitru Robert Abela ser iddgħajjef lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Minflok persuna maħtura bil-vot taż-żewġ terzi tal-Membri Parlamentari ser ikollna persuna maħtura b’maġġoranza sempliċi, jiġifieri persuna maħtura biss mill-Gvern Laburista.
Il-persuna li tkun maħtura bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandha tkun persuna li tgawdi r-rispett taż-żewġ naħat tal-Kamra. Dan hu rwol krucjali.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu l-funzjoni, fost oħrajn, li jeżamina u jekk ikun meħtieġ jivverifika, dawk id-dikjarazzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ dħul jew interessi jew benefiċċji oħra ta’ kull xorta ta’ persuni li għandhom id-dmir li jagħmlu dawk id-dikjarazzjonijiet kif inhu provdut taħt l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jew kull liġi oħra.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu l-funzjoni wkoll li jinvestiga b’inizjattiva tiegħu jew fuq allegazzjoni bil-miktub ta’ xi persuna, xi kwistjoni allegata li tikser kull dmir statutorju jew etiku ta’ kull persuna pubblika li għaliha jkun japplika l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.
Għandu l-funzjoni li jagħti deċiżjoni, meta mitlub minn persuna li għaliha jkun japplika l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, jekk azzjoni jew imġiba maħsuba minnha hijiex projbita mill-Kodiċi tal-Etika applikabbli jew minn kull dmir partikolari ieħor statutorju jew etiku.
Il-funzjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika huma wisq importanti għal aktar trasparenza, aktar kontabbilita’ u aktar imġieba xierqa mill-politici li għandhom ikunu ta’ eżempju xieraq għac-cittadini.
Id-deputat Jerome Caruana Cilia staqsa direttament lill-Prim Ministru: “Possibbli sur Prim Ministru, mhux kapaci nifthemu flimkien u nsibu persuna waħda li hi waħda bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra? Possibbli m’hawnx isem ieħor li jkollu l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra?”
“Jien perswaz, kif inhuma ħafna nies hemm barra, li b’rieda tajba, b’sens ta’ maturitá politika, b’sens ta’ umilta’ u determinazzjoni, kapaci naslu għall-qbil fuq persuna idonea. Pero’ biex dan isir, irid ikun hemm sens ġenwin ta’ djalogu u mhux l-arroganza li jiddispjacini ngħid qed jimxi biha l-Prim Ministru”, sostan Jerome Caruana Cilia.
Id-deputat Nazzjonalista ta ħarsa kif l-eks Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, l-ewwel persuna appuntat f’din il-kariga, irnexxielu jagħti ruħ u statura lil din il-kariga, bħala l-ewwel Kummissarju għal dan ir-rwol krucjali.
Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler sab lil Justyne Caruana, dakinhar Ministru għall-Edukazzjoni ħatja li kisret il-kodiċi tal-etika.
L-ewwel Kummissarju għall-Istandards kien sab lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħati li kiser il-kodiċi tal-etika meta kien ta €80,000 bil-moħbi lil Konrad Mizzi wara li dan spicca minn Ministru.
Caruana Cilia fakkar ukoll fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab ksur ta’ etika fir-reklamar tal-Gvern iffinanzjati mill-pubbliku u li liema reklamar kien pubblikat f’suppliment mal-gazzetta ‘KullĦadd’ li hi l-organu ta’ kull nhar ta’ Ħadd tal-Partit Laburista. Dakinhar ir-rapport tal-Kummissarju Hyzler sab 18-il Ministru u Segretarju Parlamentari Laburista ħatja li kisru l-Kodiċi ta’ Etika.
Dawn huma l-kisbiet, fost rapporti oħrajn, li qed jinjora l-Prim Ministru. Dan it-tip ta’ tmexxija u grinta vis-a-vis r-rwol ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li ma jridx il-Prim Ministru.
“Tassew ħasra li bid-deċiżjoni tiegħu Robert Abela ser jippolitiċizza l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Bosta erprimew dieqa u anke rabja għall-mod kif il-Prim Ministru Abela jrid jaħtaf taħt idejh il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika billi jpoġġi lil min irid hu biss fil-kariga”, sostna id-deputat Jerome Caruana Cilia.
“Prim Ministru, għalfejn ma tridx li jkun hemm persuna, maqbula bejn iz-zewġ naħat ta’ din il-Kamra, l-ogħla istituzzjoni politika f’dan il-pajjiz, li jkollha r-rieda u l-kapaċità li tinvestiga u tiġġudika l-imġieba ħażina tal-politiċi? Għalfejn ma tridx dan?” qal il-Kelliem tal-Finanzi tal-OppożizzjoniJerome Caruana Cilia.
Il-PN se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex tissaħħaħ id-demokrazija u b’hekk jgħolew l-istandards fil-ħajja pubblika… u mhux kif qed jagħmel il-Prim Ministru li qed jikkalpesta l-ħidma favur it-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjizna. Aħna se nibqgħu miftuħin għad-djalogu u lesti li niddiskutu, bil-kontra ta’ kif qed jagħmel il-Prim Ministru.
Minflok isaħħaħ din l-għodda importanti għad-demokrazija f’pajjiżna, Robert Abela qed jaħtaf istituzzjoni oħra taħt idejh biex idgħajjifha u jġibha ma tiswa’ xejn. Stil awtokratiku ta’ tmexxija mill-Prim Minsitru. Stil ta’ Gvern awtokratiku li ma jagħti widen lil ħadd ħlief lill-klikka veru zgħira ta’ madwaru.
“Il-Prim Ministru għandu jieqaf mill-imġieba dittatorjali tiegħu u jersaq ‘il quddiem biex, bis-saħħa tad-djalogu, jintlaħaq qbil dwar il-persuna li għandha tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika”, qal Jerome Caruana Cilia.
Il-Kap tal-Oppozizzioni ippropona lill-Prim Ministru ismijiet ta’ persuni li huma magħrufin għall-integrità tagħhom, igawdu rispett mill-ispettru politiku kollu u huma idonei biex jinħatru bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. “Hawn tidher kemm din in-naħa tal-Kamra, aħna rridu naħdmu għall-ġid tal-pajjiz, għall-ġid tan-nazzjon” tenna id-deputat Nazzjonalista.