Waqt id-diskors inawgurali tagħha malli ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew f’Jannar li għadda, l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li n-nies jeħtieġu Parlament modern li lest joffri direzzjoni.
U f’riformi li pprezentat il-Ħamis lill-Presidenti tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament, Roberta Metsola żammet kelmtha, u poġġiet fuq il-mejda tad-diskussjoni dik li qed tiġi meqjusa bħala l-akbar riforma li saret fl-istituzzjoni Ewropea f’ġenerazzjoni.
Is-sensiela ta’ riformi pprezentati mill-President Metsola, huma maqsuma fi tliet aspetti: dawk li mistennija jitwettqu fl-immedjat, riformi li mistennija jieħdu aktar tul ta’ żmien biex jidħlu fis-seħħ u li għandhom l-għan li jwasslu għal iktar efficjenza u trasparenza, flimkien ma ħidma bejn l-istituzzjonijiet Ewropej li fost l-oħrajn titwaqqaf Kummissjoni ta’ Etika għall-Unjoni Ewropea.
Il-miżuri jinkludu aktar trasparenza dwar dak li jkunu qed jagħmlu l-MEPs, fosthom ma min jiltaqgħu, żjarat lejn pajjiżi terzi u x’rigali jaqilgħu. l-projbizzjoni ta’ għaqdiet mhux uffiċjali li jiffurmaw l-MEPs bejniethom ma pajjiżi terzi, kif ukoll dikjarazzjoni li għandhom jagħmlu l-politiċi qabel jieħdu f’idejhom in-negozzjar ta’ liġi meta jirriżulta li jkun hemm kunflitt ta’ interess.
F’kummenti li tat lil Net News wara l-laqgħa mal-mexxejja tal-gruppi politiċi li appoġġjaw il-proposti taghha, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li issa hemm mandat ċar biex jiġu implimentati ir-riformi biex jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u l-kontabiltà tal-Parlament Ewropew.
Żiedet li hi se tkompli tikkonsulta u l-għan tal-istituzzjoni Ewropea hu li dawn ir-riformi jitwettqu fl-immedjat. Il-President Metsola qalet li dawn huma l-ewwel passi li qed jieħu il-Parlament biex jibni mill-ġdid il-fiduċja fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Kelliem għall-President tal-Parlament Ewropew qal li Roberta Metsola kisbet mandat b’saħtu biex tmexxi bir-riformi meħtieġa ħalli tilħaq l-għanijiet stabbiliti, waqt li se tibqa għaddejja b’konsultazzjoni mat-taqsimiet differenti fi ħdan din l-istituzzjoni ewropea.
//= $special ?>