Lokali Qorti

L-akkużat ma jixhedx fil-każ dwar stupru hekk kif il-ġuri riesaq lejn it-tmiem

L-Avukat Mario Mifsud, li qed jidher għall-akkużat, informa lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li ż-żagħżugħ ta’ 22 sena ma kienx se jixhed kif inhu permess mil-liġi fil-ġuri tiegħu. Dan hekk il-ġuri beda riesaq lejn it-tmiem tiegħu wara li tard wara nofs inhar id-difiża nfurmat lill-Qorti li m’għandhiex aktar provi xi tressaq. Għaldaqstant għada l-Ġimgħa għandhom isiru s-sottomissjonijiet mid-difiża u l-prosekuzzjoni u l-każ jingħalaq fejn ikun baqa’ biss l-għoti tas-sentenza mill-Imħallef.

Huwa qed jiġi akkużat bi stupru ta’ omm l-eks tfajla tiegħu, u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ l-istess tfajla meta kellha 15-il sena. Il-każ imur lura għal Jannar tal-2019 meta ż-żagħżugħ li huwa minn Bormla kellu 18-il sena. Iż-żagħżugħ qed jiġi mixli wkoll fost akkużi oħra li weġġa’ lill-vittmi, nkluż lil oħt eks tfajla tiegħu li żamm lil omm u lil bniet ostaġġ, L-isem tal-akkużat u tal-vittmi mhumiex jixxandru fuq ordni tal-Qorti minħabba n-natura tal-każ. Il-ġuri qed jinstema’ bla ġurati. Il-ġuri wasal fl-istadju tal-provi minn naħa tad-difiża.

Il-Ħamis kellu jixhed ir-Reverendu Marcello Ghirlando imma dan kien indispost filwaqt li Fr Franco Fenech kien notifikat biex jidher wara nofsinhar imma peress li x-xhieda ta’ filgħodu diġà taw id-depożizzjoni tagħhom, ntalab biex jattendi l-Qorti aktar tard bil-ġuri ġie sospiż sakemm jasal. Fil-fatt ġie deċiż li dan ikompli fit-3pm.

Wara li wasal fl-awla, Fr Fenech beda jixhed fejn qal li l-Kummissjoni Eżorċisti jagħmlu laqgħa u l-ftit li jaf dwar il-każ sar jafu minn hemm. Huwa qal li Fr John Vella talab għat-talb tagħhom waqt li żied li Fr Elija Vella ma kienx involut fil-każ bix-xhieda qasira tiegħu tintemm hawn.

Fi tmiem ix-xhieda ta’ Fr Fenech l-Avukat Mario Mifsud, li qed jidher għall-akkużat, iddikjara li ma kellux aktar provi xi jressaq. Sadanittant l-ewwel xhud fil-ġuri li qed isir bla ġurati u li daħal fir-raba’ jum tiegħu kienet il-kuġina tal-akkużat fejn qalet li hija taf lit-tifla ż-żgħira tal-omm għax kienet tmur tixtri minn ħanut fejn kienet taħdem l-istess tifla.

Hi qalet li qatt ma tkellmet mat-tifla dwar dan il-każ u sostniet li ħadet xokk meta saret taf li kuġinuha u din it-tfajla qed joħorġu flimkien għax il-familja tal-vittma ma kinitx normali waqt li ċaħdet li għamlet pressjoni fuq il-vittma biex tbiddel il-verżjoni tagħha.

L-omm ta’ żewġt itfal kienet ħadmet ukoll għal xi żmien ma’ l-eks tafjla taħt l-età tal-akkużat. “Konna ħbieb, u konna nitkellmu dwar affarijiet normali bħal dwiefer u xagħar u affarijiet bħal dawn,” qalet ix-xhud. L-avukat difensur Mario Mifsud staqsa lix-xhud jekk kellmitx mal-allegata vittma dwar dak li kien għaddej minnu l-akkużat.

“M’għandix għalfejn nitkellem magħha dwar dawn l-affarijiet,” hija wieġbet. Qalet li kienet ixxukkjata meta l-akkużat qalilha li kien qed joħroġ mat-tifla, li qalet li kienet waħda ta’ nuqqas ta’ rispett u tiġġieled kontinwament ma’ ommha. Hija ddeskriviet lill-familja tal-vittma bħala “mhux nies normali”.

L-avukat qal lix-xhud li t-tifla ż-żgħira li magħha kien joħroġ l-akkużat qalet lill-Qorti li hedditha. “Qatt,” hija wieġbet, waqt li ċaħdet li qatt tkellmet dwar il-każ lit-tfajla jew li għamlet pressjoni fuqha biex tibdel il-verżjoni tagħha. Kontro-eżaminata mill-Avukat Ġenerali Prosekutur Francesco Refalo, ix-xhud qalet li l-akkużat u t-tfajla tiegħu dehru li kienu jinħabbu.

“Kont niltaqa’ magħhom biex inżomm għajnejha fuq dak li qed jiġri. Dejjem kont narahom jgħixu fl-imħabba, u mhux jiġġieldu. U ħsibt li bilfors hi nbidlet.” Id-difiża sejħet lill-Ispettur Oriana Spiteri biex tikkonferma li kienet ressqet lit-tfajla b’xhieda falza, fejn filwaqt li kkonfermat, ċaħdet suġġeriment li t-tifla kienet semmiet li kienet ġiet mhedda u għalhekk spiċċat biex tibdel il-verżjoni tagħha.

L-Ispettur Eman Hayman reġa’ xehed fil-qasir fejn qal li kienu li kienu l-Ispettur Spiteri u social worker li kellmu lit-tifla ż-żgħira tal-omm u ħadulha dikjarazzjoni. Il-prosekuzzjoni fil-ġuri qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużat għandu jiddefendih lill-Avukat Mario Mifsud u l-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher bħala parte civile għan-nom tal-allegati vittmi.