Uffiċjali mal-President Amerikan Joe Biden sabu ammont ġdid ta’ dokumenti klassifikati dwar ir-rekords tal-Gvern f’tieni lokalità – u meta l-każ kapaċi jkun ferm embarazzanti għall-White House minn aspett politiku.
L-ewwel ammont ta’ dokumenti kienu nstabu f’uffiċċju privat f’Washington u li kien juża Biden fi żmienu bħala Viċi-President tal-Istati Uniti. Il-każ issa qed ikun investigat mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan u meta l-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump, bħalissa, qed jiffaċċja investigazzjoni kriminali fuq allegazzjonijiet li hu kien għamel użu ħażin minn files klassifikati.
L-ewwel sejba ta’ xi għaxar dokumenti kienet seħħet f’Novembru fil-Penn Biden Center li hu think tank viċin il-White House – bis-sejba inkwistjoni ssir magħrufa biss ftit tal-jiem ilu. Id-dokumenti, allegatament, jinkludu memos tas-servizzi sigrieti Amerikani u rapporti dwar sitwazzjonijiet relatati għall-Ukrajna, l-Iran u r-Renju Unit.
Id-dokumenti jmorru lura għaż-żmien meta Biden kien il-Viċi-President taħt l-eks President Amerikan Barack Obamna iżda mhux ċar kif dawn id-dokumenti spiċċaw fl-uffiċċju privat li kien qed juża l-istess Biden ladarba assuma l-kariga.
Skont il-liġi, l-aċċess għad-dokumenti klassifikati fl-Istati uniti hu limitat għan-nies b’awtorizzazzjoni speċjali u meta hemm ukoll ir-regoli dwar fejn u kif dawn għandhom jinżammu. Ir-rekords kollha tal-White House, inklużi d-dokumenti klassifikati, iridu bilfors jingħataw lid-Dipartiment Nazzjonali għall-Arkivji tal-Istati Uniti ladarba jiskadi t-terminu tal-poter ta’ kull Amministrazzjoni.
Sadanittant, il-White House ma kkummentax dwar l-aħħar sejba ta’ dokumenti – anki jekk is-sejba kienet ikkonfermata mill-ġurnalisti tal-Istazzjon CBS u entitajiet oħrajn tal-media Amerikana.
//= $special ?>

