Lokali Qorti

Multa ta’ €2,500 u liċenzja sospiża wara li kkaċċja f’ħin ipprojbit fil-Park tal-Majjistral

Raġel ġie mmultat €2,500 u kellu l-liċenzja tal-kaċċa sospiża għal sentejn mill-Maġistrat Elaine Mercieca wara li nstab ħati nqabad jikkaċċja f’ħin magħluq għall-kaċċa. Matthew Vella instab ħatii li wettaq dan ir-reat fl-20 ta’ Ottubru tal-2021 fil-Park tal-Majjistral.

Kien l-Ispettur Elliot Magro mill-Environment Protection Unit (EPU) li ressaq lil Vella l-Qorti u nvestiga l-każ. Ħareġ li l-kaċċatur kien qed jikkaċċja fl-10am. li huwa l-ħin allokat għaż-żjajjar mit-tfal tal-iskola. L-HPF Ranger Unit qalet li għalhekk Vella kien qed jikkaċċja sagħtejn qabel il-ħin stipulat.

Żiedet li l-kaċċaturi għandhom ikunu konxji tal-postijiet li fihom għandhom jikkaċċjaw. Huma taw ħajr lill-Pulizija li ħadu azzjoni minnufih biex Vella twaqqaf fuq il-post u setgħu jittieħdu passi kontrih. L-HPF Ranger Unit jieħu ħsieb l-infurzar fis-siti mmexxija min-Nature Trust u Din l-Art Ħelwa.