Lokali

Nhar il-Ħadd: Attività pubblika favur il-ħajja


Il-Partit Nazzjonista se jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex il-ħajja tkun protetta mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha – kemm il-ħajja tal-omm kif ukoll dik tat-tarbija fil-ġuf.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif nhar il-Ħadd, 15 ta’ Jannar, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza laqgħa pubblika bit-tema, “Iva, Favur il-Ħajja” – attività li se tkun qed tibda fl-10 ta’ filgħodu fil-lukanda Excelsior il-Floriana. Bernard Grech spjega li kulħadd huwa mistieden sabiex jattendi għal din il-laqgħa.

Din il-laqgha se ssir fid-dawl tal-emenda li qed iressaq il-Gvern ta’ Robert Abela li se twitti t-triq sabiex ikun introdott l-abort f’pajjiżna.

Il-Kap tal-PN saħaq li għal kuntrarju għal dak li qed jagħmel il-Gvern immexxi minn Robert Abela, il-PN se jibqa’ jisma’ mill-esperti u jisma’ dak li għandhom xi jgħidu n-nies – partikolarment il-professjonisti li jaħdmu fis-settur mediku kif ukoll l-akkademiċi.

Din l-emenda sabet oppożizzjoni kbira minn bosta għaqdiet, professjonisti mediċi, akkademiċi flimkien ukoll fost oħrajn il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca flimkien ukoll minn esponenti Laburisti fosthom l-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat.

Sa issa, il-liġi tinsab fi stadju ta’ Kumitat.