Lokali Qorti

Rat lil wieħed mill-akkużati “qisu mfixkel” fil-ġurnata li x’aktarx inqatlet Sion Grech

Dorianne Galea li laħqet mietet waqt il-proċeduri kienet xehdet fit-12 ta’ Marzu tal-2014 li fis-6 ta’ April, 2005, il-ġurnata meta x’aktarx kienet inqatlet Sion Grech kienet rat lil wieħed mill-akkużati, Ismael Habesh, imfixkel f’ħanut fil-Marsa. Hija kienet qalet li dak iż-żmien kienet qed tagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni. Sion’ Grech inqatlet bi 17-il daqqa ta’ sikkina, bil-katavru tagħha jinstab fit-13 ta’ April f’għalqa fil-Marsa. Hija kienet ilha rrapportata nieqsa mis-7 ta’ April tal-2005.

Il-Prosekuzzjoni li quddiem ġurija qrat id-depożizzjoni ta’ Dorianne Galea, qalet li meta hi kienet mistoqsija dak inhar fejn kienet fis-6 ta’ April 2005 imma hi rrispondiet li tbati mill-vizzju tal-alkoħol u tad-droga u li ma tiftakarx. Iżda wara mistoqsija supplimentari mill-Prosekuzzjoni, Galea kienet kkonfermat li kienet f’bar fl-Imsida ma’ ħuha Jason Galea u ċertu Stephen Brincat.

Ftit wara, kienet kompliet tgħid Galea, daħal Habesh li beda jkellimha bħall-ħbieb u tiftakar li Habesh kien talab għal xemgħa jew torċ imma ma ngħatax wieħed. Hi stqarret li ma tiftakarx jekk ħuha offriex xi ħaġa lil Habesh imma tiftakar lil Habesh jistaqsiha biex jiltaqgħu l-għada “ma’ Simon (Sion)”.

Galea qalet li tiftakar lil Habesh jieħu xi xemgħat li kienu qrib il-bieb tal-bar imma s-sid tal-bar waqqfu milli jagħmel dan. Żiedet li Habesh kien qed jidher qisu xurban jew taħt il-vizzju tad-droga. Meta ġiet mitluba tikkjarifika dan id-dettall mill-Qorti, Galea qalet li Habesh kien qisu “mfixkel”.

Qalet li kien hemm nies li kienu jgħidu li Habesh kien jabbuża mid-droga u kien jieħu l-methadone miċ-Ċentru tad-Detox. Dan ħareġ meta Dan ħareġ ħareġ hekk kif il-ġuri ta’ żewġ barranin akkużati bil-qtil ta’ Sion Grech, transgemeder ta’ 20 sena mis-Siġġiewi f’April tal-2005 daħal fir-raba’ jum tiegħu. L-irġiel mixlija b’dan l-omiċidju huma il-Libjan Ismael Habesh, ta’ 52 sena u t-Tuneżin Faical Mahouachi ta’ 55 sena.

Xehed ukoll Jason Galea, li jiġi ħu Dorianne li qal li huwa ħabib ta’ wieħed mill-akkużati, l-Libjan Ismael Habesh. Huwa qal li ra lill-vittma Sion Grech l-għada tal-ġurnata ta meta nqatlet. Galea ammetta li hu jinsa ħafna u qal li huwa jaf lill-akkużat peress li kienu jiltaqgħu d-Detox peress li t-tnejn li huma kellhom problema ta’ droga.

Tenna li madwar 18-il sena ilu kienu kellmuh il-Pulizija u qalilhom li Habesh daħal f’bar fl-Imsida fejn kien qed jixrob ma’ oħtu u dan daħal biex jixtri pakkett sigaretti. Dak inhar l-akkużat għal darba darbtejn talbu lil għal torċ imma Galea qallu li m’għandux.

Ix-xhud qal li minkejja li lil Habesh kien jafu minn meta kienu jkunu fiċ-Ċentru tad-Detox stqarr li ma kienx jagħmilha miegħu. Kompla li wara li ħadd ma tah torċ u Habesh telaq mill-bar u kien deher normali imma jammetti li kien qed jixrob.

Dwar Simone Grech u Galea qal li kien jafha imma li ma kien sema’ xejn dwarha. Hawn l-Prosekuzzjoni fakkritu li f’xhieda li ta fil-passat, Galea kien qal li Habesh kien jidher xurban u ma kienx jidher sew sew. Hawn Galea qal li hu jinsa ħafna u fil-fatt, hu baqa’ jgħid li ra lil Grech l-għada tal-ġurnata meta nqatlet.

Id-Difiża staqsiet lil Galea jekk Habesh riedx it-torċ biex jara ġewwa l-bonnet tal-karozza tiegħu u Galea qal li jista’ jkun. Tenna li ma jiftakarx li qabel l-Imsida kien mar il-Marsa fit-Tiger Bar. Mistoqsi jekk Habesh kienx qal lil oħtu biex jiltaqa’ magħha l-għada ma’ persuna oħra li kienet Sion Grech, huwa qa li jista’ jkun qal hekk. Ikkonferma wkoll li kien jgħix qrib ta’ Grech.

Xehed ukoll il-Professur Charles Caruana li kienġie nkarigat jeżamina l-katavru li nstab fil-Marsa u jiddetermina l-istat fiżiku tal-katavru u kemm jista’ kien ilu moħbi. Tenna li seta’ jinnota li d-darsa ma kinitx żviluppata kompletament li fisser li l-katavru ta’ Sion Grech kellu bejn 20 u 28 sena u li kien hemm indikazzjoni li ċ-ċans kien li l-persuna mejta kienet “in her late twenties”.

Il-Professur ħa xi snien tal-katavru li ma kinux sodi biex jiddetermina x’wassal biex inqatlet il-mara u x’tip ta’ vjolenza kienet seħħet.

Xhud oħra li li tat id-depożizzjoni tagħha wara nofs inhar qalet kienet Romina Grima li kienet tkun il-Marsa fejn kienet tkun Grech. Qalet li ma tiftakarx eżatt x’kienet xehdet imma tiftakar li kienet xehdet fl-2016. Lil Grech kienet ilha tafha mindu kienu tfal żgħar u kienet taraha qrib iċ-ċentru tad-Detox u l-Marsa qrib it-Tiger Bar.

Il-Prosekuzzjoni tistaqsi x’kienet tagħmel Grech il-Marsa u Grima tirrispondi “għax-xogħol hu”. Grima qalet li Grech kienet titkellem dwar Libjan jismu Ismael u ma “kienx open li Grech kienet toħroġ ma’ Ismael” minħabba li hu kien miżżewweġ.

Tenniet li ma tiftakarx eżatt meta rat l-aħħar lil Grech imma taf li ratha l-Marsa u li qalet ukoll li qatt ma kienet “best of friends” mal-vittma u ma tistax tiftakar eżatt il-karatteristiċi tagħha. Il-Prosekuzzjoni qrat ix-xhieda li kienet tat Grima fil-passat fejn irrakkontat kif inzertat lil Habesh u staqsietu jekk għadu ma’ Grech.

Habesh kien qalilha “le għax ma jistax ikun li tifel ta’ 12-il sena diġà jaf li missieru qed joħroġ ma’ pufta”. Mistoqsija minn membru tal-ġurija fejn kienet iż-żona tagħha minn fejn kienet topera u Grima qalet li kienet taħdem mill-BOV sal-biċċerija. Ikkonfermat ukoll li kienet titlajja u tabbuża mid-droga wkoll. L-Imħallef staqsa lix-xhud jekk Grech kinitx kellmitha dwar l-abbuż mid-droga u Grima tirrispondi li s-soltu kienu jieħdu d-droga qabel jibdew ix-xogħol.

Xhud ieħor kienet Romina Grima, li kienet ukoll tabbuża mid-droga ma’ Sion Grech. Hija qalet li kienet taraha l-Marsa għax-xogħol. Qalet li Sion kienet tgħidilha li qiegħda ma’ Libjan, li wara saret taf li kien Ismael Habesh, iżda qatt ma rathom jagħmlu xejn bħala koppja u fil-fatt kellha l-impressjoni illi mhux veru kienu flimkien.

Waqt il-kontro eżami tagħha mill-Avukat Ismael Psaila, meta kienet mistoqsija, tgħid li fl-inħawi kienu jgħaddu ħafna Pulizija fuq rondi. Ikkonfermat li dak iż-żmien kienu jgħidu illi Sion Grech kienet għamlet overdose. Qalet li l-White Stars Bar ma tafx fejn hu għax qatt ma marret hemm. Ikkonfermat ukoll bħal xhieda oħra li jitlajjaw, li l-biċċa l-kbira tan-nisa li kienu jaħdmu hemm kienu jieħdu d-drogi.

Wara xehdu l-ex Kuntistabbli Alfred Debattista u Fredrick Brincat. Huma kienu għamlu investigazzjoni teknika dwar żewġ vetturi. Eżami forensiku fuq Mazda u ieħor separat fuq karozza Vauxhall li kienet ta’ Habesh. Sakemm spjegaw l-evidenza miġbura, il-ġurija ġew murija ritratti li ttieħdu tal-karozzi.

F’wieħed mir-ritratti tidher loqma ta’ sigaretti fil-karozza. “Minħabba li s-sigarett tpejjep kollu, ma setax jiġi determinat x’ditta kien,” qal Debattista. L-Imħallef hawn irrimmarka li mhijiex problema li l-Prosekuzzjoni tesebixxi ħafna evidenza imma jwissi li ħafna dettalji żejda jafu jfixklu l-membri tal-ġurija.

Prostituta tgħid li rat lil Sion Grech dieħla f’karozza

Alexia Gatt, kienet titlajja fl-istess post li kien jiffrekwenta Sion Grech qalet li fil-Marsa rat lil Grech dieħla f’vettura li fiha kien hemm raġel isuq il-karozza. Grech kienet liebsa dublett u takkuna. Hawn il-Prosekuzzjoni qalet li Gatt kienet qalet li f’xhieda li tat fl-2016 li rat lil Grech waħedha.

“Nixtieq ngħidilkom li dak ma kien żmien xejn sabiħ għalija u nixtieq li nagħlaq dak il-kapitlu darba għal dejjem,” sostniet Gatt. Il-Prosekuzzjoni hawn qrat ix-xhieda li kienet tat Gatt fl-2016 li ddeskriviet meta rat li Grech u kif saret taf minn xi membru tal-familja li kienet ġiet irrappurtata nieqsa.

Alexia Gatt qalet li tiftakar tixhed dwar dan u sostniet li kienet ilha taf lil Grech mindu kienu tfal żgħar. Mistoqsija jekk Grech qatt talbita biex tagħmel xi ħaġa jew tagħtiha xi ħaġa, x-xhud wieġbet fin-negattiv u qalet li Grech kienet titlajja f’xi toroq fil-Marsa.

Ix-xhud xehdet li saret taf lil Habesh permezz ta’ Grech u li ġieli kellmitu “għax kien il-partner tagħha”. Hawn hi għarfet lil Habesh fl-awla. Gatt qalet ukoll li kienet taf li Grech u Habesh kienu jieħdu d-droga flimkien u kienu jkunu ma’ xulxin. “Grech kienet tgħir ħafna għal Habesh għax kien miżżewweġ”, qalet ix-xhud. Gatt tgħid ukoll li Grech kienet talbitha biex tmur magħha u tagħti tgħajjira lill-mara ta’ Habesh”.

Kienet id-difiża li wara bdiet tagħmel id-domandi fejn wara staqsiet lil Gatt dwar ix-xhieda li kienet tat fil-passat u hi tirrispondi li għaddew ħafna snin u tixtieq tinsa dan l-episodju. “Mhux ma niftakarx imma ma rridx inħawwad xi ħaġa meta niġi biex nispjegaha,” wieġbet Gatt.

Qalet li Grech kuljum kienet titlajja fil-Marsa kif kienet tagħmel hi kważi kuljum. Membru tal-ġurija staqsa jekk kienx hemm xi ħaġa biex jipproteġiha u Gatt qalet li ma kellhiex u li diġà kellha l-problema tal-vizzju tad-droga. Membru ieħor tal-ġurija staqsiet jekk Gatt tkellmitx ma’ Grech jekk il-ħwejjeġ tagħha kienx xtrahomlha xi ħadd, b’Gatt tgħid li mhijiex ċerta.

Ix-xhud qalet ukoll li r-relazzjoni ta’ Habesh u Grech kienet qisha koppja lli għaddejja mill-vizzju tad-droga. L-Imħallef staqsiha tispjega kif tkun relazzjoni bħal din. Gatt twieġeb billi tgħid li koppja li tbati mill-vizzju tad-droga tkun aktar nervuża u b’karattru selvaġġ.

Minkejja dan, Gatt qalet li Grech kienet tgħidilha li tħobb lil Habesh u li kienu jmorru tajjeb flimkien. Għal domanda oħra mill-ġurija dwar kif persuna tibda titlajja f’din iż-żona, Gatt qalet li persuna kienet tagħmel dan min jeddha waqt li tipprova ma tinqabadx mill-Pulizija.

Membru ieħor tal-ġurija staqsa jekk Gatt qatt ratx raġel isawwat mara fl-akwati u Gatt haw tgħid li din kienet xi ħaġa normali. Qalet li meta dan jiġri, l-bqija tal-prostituti kienu jitilqu minn fuq il-post għax kienu jibżgħu li jiġu l-Pulizija. Dwar Jacqueline Rapinett, li fix-xhieda tagħha l-Erbgħa xehdet li kien rat lill-akkużati jsaawtu lill-vittma, x-xhud qalet li hija taf ukoll li din kienet titlajja l-Marsa,. madankollu ma tiftakarx fejn din kienet tkun. Sadanittant qalet ukoll li jekk Grech ma kinitx tkun il-Marsa, Habesh ma kienx ikun hemm lanqas.

L-ewwel xhud tal-Ħamis kien il-Perit Richard Aquilina, li dakinhar li nstabet Sion Grech għamel mappa tal-post u ta’ kif instabu l-affarijiet tagħħha, fosthom ġakketta u żarbun. Huwa rrakkonta kif kienet l-għalqa u minn fejn wieħed seta’ jaċċessaha.

Qalli qalb il-ħaxix għoli kien hemm par żarbun abjad tan-nisa, qalb ħaxix għoli u aktar ‘il ġewwa kien hemm il-katavru li kien liebes ġakketta kannella, bra iswed u dublett tal-jeans. Ħdejn il-katavru nstabu wkoll mobile phone u lighter blu. eta mistoqsi minn wieħed mill-ġurati jekk iż-żona kinitx imdawla b’dawl tal-gvern, il-perit wieġeb li ma jiftakarx u qal iżda li fil-ħin li mar hu kien għadu ma dalamx.

Xhud ieħor kien l-Ispettur Adrian Sciberras li qal li kien ra rapport li daħal għand il-Pulizija fit-30 ta’ Marzu 2005 meta raġel irrapporta li nsterqitlu l-karozza fi Triq il-Mosta f’San Pawl il-Baħar. Il-karozza kien instabet xi 15-il ġurnata wara u inżammet mis-CID b’rabta mal-qtil ta’ Sion Grech. Qal li l-karozza kienet instabet fit-13 ta’ April fin-Naxxar.

Wara xehed Alfred Scerri, il-vittma tal-karozza misruqa. Huwa qal li ma jiftakarx li fl-2017 ġie mitlub jixhed dwar il-karozza li nsterqitlu. Id-Difiża fakkritu dwar id-dettalji u hu jirrakkonta kif kien ħalla l-karozza pparkjata f’San Pawl il-Baħar u wara ma sabhiex, u għalhekk għamel rapport mal-Pulizija.

Qal li kien hemm żagħżugħ li kien jaħdem miegħu li ċempillu u qallu li l-karozza kien raha f’Raħal Ġdid. Scerri ċempel lill-Pulizija b’dan l-iżvilupp u dan wassal biex ġiet iċċirkondata b’xi nies ġo fiha. Scerri qal li l-Pulizija infurmatu li l-karozza kienet marbuta ma’ delitt.

Il-Prosekuzzjoni wara qrat ix-xhieda ta’ Jamal li kien instab li kien qed juża l-karozza li nsterqet minn ċertu Alfred Scerri, ħabib ta’ Habesh, wieħed mill-akkużati. Minħabba li Jamal ma kienx f’pożizzjoni li jixhed, il-Prosekuzzjoni qrat ix-xhieda ġuramentata tiegħu, li kien ta fl-2005 fil-depot.

Jamal Salem Abulked kien qal li f’April 2005 iltaqa’ mal-vittma u Habesh qrib l-Isptar San Luqa. Tenna li darba meta mar lura d-dar, sab il-qraba tal-mara tiegħu li qalulu li hu kien waqqgħalhom wiċċhom mal-art “għax kien għamilha ma’ pufta”. Qal li “ħajtu kienet diġà mkissra u ma riedx jagħmel aktar dnubiet”.

Habesh kien qal lill-vittma biex ma timxix miegħu

Kien qal li l-ġurnata meta seħħ ir-reat Habesh kien qal lill-vittma biex ma timxix miegħu biex hi ma jidhirx. Habesh u Abdulked kienu ħadu d-droga eroina fil-Marsa waqt li Grech dak il-ħin kienet qed titlajja. Wara, l-vittma ltaqgħet mal-irġiel u qaltilhom li kellha d-demm għax kienet involuta f’argument ma’ klijent.

Abdulked kien qal li beda miexi lejn id-dar għax kien sarlu l-ħin u fl-9.45pm kien mar ikellmu Habesh id-dar. Habesh staqsieh fejn kienet Grech u Abdulked qallu li kienet qrib l-HSBC tal-Marsa. Habesh talab lil Abdulked iġiblu l-iskufja u l-ingwanti tiegħu li kienu d-dar. Huwa kien qal ukoll li qatt ma mar għand il-Pulizija biex jinfurmaha li kien iltaqa’ ma’ Grech qabel ma nqatlet “għax qatt ma daħlet f’rasu”.

Abdulked ammetta li ma kienx issuspetta meta fuq l-aħbarijiet ra li Grech kienet ġiet irrappurtata nieqsa. Imma eventwalment daħlu xi dubji f’moħħu meta ra l-post fejn instab il-katavru. Abdulked qal li qatt ma ġie mhedded minn Habesh biex jagħti verżjoni differenti ta’ dak li ra.

Il-Prosekuzzjoni wara qrat ix-xhieda ta’ Nicolina Portelli li kienet xehdet fil-passat imma llum hija mejta. Portelli kienet qrib ħafna ta’ Sion Grech. Kienet qalet li taf lil Grech għax it-tifla tagħha kienu jrabbuha ommha u missierha. “Iva nafha sew lil Simone.”

Kienet qalet kif darba waħda kienet iltaqgħet ma’ Grech li kienet qed tidher debboli għax ħadet xi pilloli. Il-vittma kienet qaltilha li Habesh ma setax jitlaq il-mara għax kieku għamel dan, kienet tittieħed il-visa tiegħu. Portelli saħqet ukoll li Habesh kien jiddejjaq jara lil Grech liebsa dublett u takkuna minn filgħodu u kien talabha tibda tilbes tracksuit. Kienet qalet ukoll li l-vittma kienet tgorr magħha fuq il-mara ta’ Habesh u s-sitwazzjoni tagħhom.

L-Imħallef Aaron Bugeja qed jisma’ ġuri kompost minn disa’ ġurati, ħames nisa u erba’ rġiel u tlieta oħra sostituti, f’dan il-każ żewġt irġiel u mara. L-avukati Anthony Vella u Abigail Caruana Vella qed imexxu l-Prosekuzzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jirrappreżentaw lil Habesh. L-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace qed jirrappreżenta lil Mohouachi. L-avukat Roberto Montalto qed jirrappreżenta l-familjari tal-vittma. Il-każ ikompli l-Ġimgħa filgħodu.