Sport Sport Ieħor

Simpożju nazzjonali tal-isport għall-aħħar ta’ Frar

Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) ħabbar simpożju nazzjonali tal-isport li se jsir fit-23 u l-24 ta’ Frar 2023 fil-Kampus ta’ Raħal Ġdid. Is-simpożju bit-titlu “Challenging the Status Quo: Inspiring a Legacy Beyond the 2023 Major Sports Events” qed jiġi organizzat mill-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità (ICS).

Madwar erbgħin kelliem li jirrappreżentaw disa’ istituzzjonijiet edukattivi u erbatax-il organizzazzjoni sportiva lokali, se jipparteċipaw f’diskussjonijiet u preżentazzjonijiet waqt is-simpożju.

Il-Ministru responsabbli għall-Isport, Clifton Grima spjega kif dan is-simpożju sportiv se jkun qed isir f’Malta f’sena fejn se jkunu qed jiġu organizzati żewġ avvenimenti sportivi kbar; il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa f’Mejju u l-finali tal-UEFA ta’ taħt id-dsatax-il sena f’Lulju.

Tliet temi ewlenin se jiġu diskussi fid-dettall matul is-simpożju bil-għan li dawn l-avvenimenti sportivi iħallu legat tanġibbli fuq l-isport f’Malta. Dawn huma: ‘Debating Sports Higher Education’, ‘Sports for All Leading to Sports Performance’ u ‘Challenging the Status Quo: Inspiring a Renewed Mindset’. Dawn se jkunu mifruxa fuq jumejn.