Lokali

S’issa ebda arrest b’rabta mat-traġedja li ħalliet mejjet lil Jean Paul Sofia

Il-Ministru Byron Camilleri jfarfar mid-domanda

Kienet l-għodwa tat-3 ta’ Diċembru meta f’Kordin iġġarfet binja li kienet qed tinbena bil-konsegwenza li tilef ħajtu żagħżugħ ta’ 20 sena – Jean Paul Sofia – bil-kadavru taż-żagħżugħ jinstab 15-il siegħa wara tfittxija intesiva.

Minn dik l-għodwa għaddew xahar u disat ijiem – bil-familja ta’ Jean Paul Sofia għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja – b’ommu tisħaq u tappella għal inkjesta pubblika sabiex dawk ħatja tal-qtil ta’ binha jieħdu dak li ħaqqhom.

Aktar minn xahar wara u ħadd għadu ma ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-każ.

Il-Ħamis filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Byron Camilleri għaliex wara dan iż-żmien kollu għadu ħadd ma tressaq il-Qorti jew saħansitra ġie arrestat…b’Camilleri jagħżel li ma jweġibx, u farfarha fuq il-Pulizija.

Omm Jean Paul Sofia saħqet li ma kinitx taf għalfejn f’dik l-għodwa binha kien ġie msejjaħ għax-xogħol, meta ma kellux ikun hemm.

Dan filwaqt li l-qraba għadhom jistaqsu domandi li s’issa għadhom mhux imwieġba…possibli ħadd ma jaf min kien il-Project Manager? Jew min kienu l-bennejja? Iżda aktar importanti…min huwa responsabbli għal din it-traġedja?

Net News kompla jistaqsi u jinsisti mal-Ministru Byron Camilleri fost oħrajn x’qed jiġri biex jiġi żgurat li min huwa responsabbli ma jaħrabx mill-pajjiż…b’Camilleri ma jagħti ebda indikazzjoni li l-arresti se jsiru mill-aktar fis għajr li jittama li din tkun konkluża.

Ta’ min wieħed jiftakar li fil-każ tat-traġedja tal-mewt ta’ Miriam Pace lura fit-2 ta’ Marzu tas-sena 2020, meta r-residenza tagħha krollat u nqatlet fit-tiġrif kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir biswit darha…..is-suspettati li eventwalment instabu ħatja…kienu ġew arrestati l-għada, fit-3 ta’ Marzu. Dan meta l-inkjesta kienet għadha għaddejja.