Lokali

“Tibżgħux isemmgħu leħinkom – mhux se nħallukom taffrontaw l-isfidi waħedkom” – Bernard Grech

“Illum aktar minn qatt qabel hemm bżonn li ssemmgħu leħinkom, li twasslu l-messaġġ tagħkom u mhux iżżommu l-isfidi li qed tħabbtu wiċċkom magħhom ta’ kuljum fis-silenzju. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn biex ikun ta’ spalla u jgħinkom tegħlbu l-għawġ li jkollkom.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, kien qed jindirizza attività soċjali organizzata fid-Dar Ċentrali.

Huwa insista li preżentament il-poplu Malti u Għawdxi għaddej mir-realtà tal-isfidi tal-għoli tal-ħajja b’żieda eżorbitanti fil-prezzijiet kif ukoll il-problema tal-mediċini out of stock.

Bernard Grech fakkar li filwaqt li huwa minnu li l-isfida tal-mediċini out of stock hija waħda dinjija, mhux ġust li l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed igiddeb lit-tobba u l-ispiżjara kif ukoll lil dawk il-ġenituri li mhux isibu l-mediċini. Dan għaliex saħaq li limited stock huwa prattikament out of stock għaliex jekk ikollok ammont limitat ta’ mediċini huwa ferm diffiċli għaċ-ċittadin sabiex isib il-mistura bil-għan li tfejjaq lit-tfal.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino minn naha tieghu insista li l-Gvern irid jgħid dak li huwa sewwa u mhux jiprova jpinġi lill-poplu realtà differenti. Dan filwaqt illi saħaq li l-isfidi tal-importazzjoni kienu sa minn dejjem, u għalhekk hemm bżonn li l-Gvern ikollu viżjoni fit-tul bil-għan li ma jkomplix jixħet il-piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin.

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-aħħar ġimgħat ħareġ biċ-ċar kif il-Prim Ministru Robert Abela jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna mingħajr m’għandu mandat mill-poplu sabiex jagħmel dan.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli bħal ma’ dejjem għamel jissielet favur il-ħajja tal-omm u t-tarbija fil-ġuf u ħeġġeġ lil dawk il-ġenituri u nanniet sabiex il-ħsibijiet tagħhom jitkellmuhom fil-miftuħ bil-għan li l-messaġġ tagħhom verament jasal.

Finalment Bernard Grech irringrazzja lil bosta voluntieri li jagħtu ħinhom u sehemhom sabiex attivitajiet bħal dawn jiġu organizzati b’suċċess.  Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg.