Internazzjonali Mużika

Tislima lil Jeff Beck…Kitarrist leġġendarju u innovatur fil-ġeneru tar-Rock

Id-dinja tar-Rock – b’mod partikulari l-ismijiet ċelebri marbutin ma’ dan il-ġeneru – qegħdin isellmu lill-memorja ta’ Jeff Beck, li kien fost l-aqwa kitarristi li qatt rat id-dinja u li l-istil mużikali tiegħu għen jispira lil ġenerazzjonijiet sussegwenti ta’ mużiċisti mis-snin sittin ‘il hawn. Beck miet ta’ 78 sena mill-effetti tal-meningite, b’mewtu tkun ikkonfermata permezz tal-paġna uffiċjali tiegħu fuq Twitter.

Il-kitarrist ma ħares lura qatt wara li, fis-snin sittin, kien issieħeb mal-grupp The Yardbirds minflok Eric Clapton – kitarrist ieħor li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Ftit wara hu kien ifforma l-Jeff Beck group flimkien mal-kantant Skoċċiż Rod Stewart u fejn huma kollaboraw fuq żewġ albums tal-blues li wittew it-triq għall-introduzzjoni tal-mużika heavy metal.

Sadanittant, Jeff Beck jibqa’ magħruf bħala innovatur uniku peress li provda dimensjoni oħra għall-mużika Rock bħala pijunier tal-istil magħruf bħala Jazz fusion,…Stil li jżewwaq u jimprovizza l-mużika Rock ma’ elementi tal-jazz, funk u rhythm and blues. L-influwenza ta’ Beck kienet anki ċara fost il-movimenti li żviluppaw matul u wara s-snin sebgħin u li bbażaw fuq il-mużika heavy metal u anki punk rock.

Meta kien mal-Yardbirds, Jeff Beck introduċa ħoss distint li jispikka fuq is-singles I’m A Man u Shapes of Things qabel kompla fit-triq tas-suċċessi fejn iddedika ruħu għal diversi proġetti strumentali – bl-akbar album li kisiblu suċċess ikun Blow by Blow, li kien jinvolvi lil George Martin; il-produttur responsabbli għal ħafna mis-suċċessi ta’ The Beatles.

Intant, l-akbar personalitajiet tar-Rock, fl-aħħar sigħat sellmu lil Jeff Beck u referew għat-teknika straordinarju tiegħu bħala kitarrist u l-mod kif hu influwenzahom biex huma wkoll jesperimentaw f’dan il-ġeneru. 

Filwaqt li Beck kien serva wkoll bħala ispirazzjoni għall-mibki kitarrist Jimi Hendrix, il-lista ta’ Rockers li qed jingħaqdu f’din it-tislima tinkludi lil Jimmy Page ta’ Led Zeppelin, Ozzy Osbourne, il-membri tal-grupp Amerikan Kiss, Paul McCartney, Paul Young, Mick Jagger u The Edge tal-grupp U2

Fl-aħħar xhur ta’ ħajtu Jeff Beck – li għandu postu garantit fir-Rock and Roll Hall of Fame —  kien involut ukoll mal-grupp tar-Rock Amerikan bl-isem Hollywood Vampires…Grupp li jinkludi bħala membri lill-attur Johnny Depp, Alice Cooper, Joe Perry u Tommy Henriksen.