“Kulħadd jinsab inkwetat dwar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja hekk kif il-prezzijiet dejjem qed jogħlew, u xahar wara l-ieħor in-nies qed isibuha aktar diffiċli sabiex iħallsu l-kontijiet.”
Dan sostnietu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wara r-riżultati tal-Eurobarometer – stħarriġ illi wera kif 93% tal-Ewropej jinsabu nkwetati bil-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, 82% tal-Ewropej jinsabu inkwetati mit-theddida tal-faqar kif ukoll l-esklużjoni soċjali.
Roberta Metsola saħqet li n-nies qed iħarsu lejn il-Gvern sabiex jittieħdu deċiżjonijiet u jinsabu s-soluzzjonijiet. Dan għaliex l-għoli tal-ħajja u l-faqar huma problemi li qed jaffettaw lil kulħadd.
Dan l-istħarriġ Ewropew juri li l-livell tal-għajxien tan-nies diġa’ tnaqqas minħabba l-konsegwenzi tal-pandemija kif ukoll bil-konsegwenzi tal-gwerra tal-Ukrajna. U diversi persuni esprimew li qed isibuha diffiċli ħafna sabiex iħallsu l-kontijiet.
Minn naħa tagħha, Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea se tkompli taħdem biex tindirizza l-inflazzjoni, filwaqt li l-vulnerabbli għandhom dejjem ikunu protetti.
Hija ħeġġet ukoll lill-Gvernijiet nazzjonali sabiex isegwu l-passi tal-Unjoni Ewropea filwaqt li joħolqu mpjiegi għal kulħadd b’pagi aħjar ħalli jkun hawn serħan il-moħħ.
//= $special ?>