Sport Sport Ieħor

Blackball: Birkirkara Youngsters u Mosta St. Mary’s A iżommu l-ewwel post

Rebħiet għal Cospicua Rangers u Valletta Breakwater fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat nazzjonali meta għelbu lil Qormi Pinto 11-9 u lil Ħamrun 147 B 11-8 rispettivament.

Għal kuntrarju ta’ tim B, Ħamrun 147 A rebħu lil Jojo’s Birżebbuġa 11-8.

Mill-kampjonat reġjonali Birkirkara Youngsters u Mosta St. Mary’s A baqgħu fl-ewwel post bl-istess numru punti, 18.

Birkirkara Youngsters għelbu lil Juve Birkirkara A 11-7 filwaqt li Mosta St. Mary’s ma sabu l-ebda problema biex għelbu lil Każin Pinto Qormi B 11-3.

Konfront mill-isbaħ kien dak bejn Birkirkara Duke’s A u San Ġwann Nick’s A li f’partita missielta ż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 10-10.

Fl-aħħar nett Selmun Bar A għelbu lil Birkirkara Boċċi 11-7 filwaqt li Ħamrun 147 C għelbu faċilment lil San Ġwann White Hart 11-3.

Fil-Community League, Valletta Fossa Boys u Juve Birkirkara B rebħu t-tieni logħba konsekuttiva u jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika b’sitt punti. Iż-żewġ timijiet irreġistraw skor simili ta’ 11-3 kontra PL Balzan u Selmun Bar C rispettivament.

F’aktar logħbiet, Jojo’s Birżebbuġa B rebħu 11-8 kontra Birkirkara Duke’s B filwaqt li Domus Kids Żejtun iddominaw il-logħba kontra Mosta St Mary’s B tant li rebħulhom 11-3.